Bejn l-erbgħa u għoxrin u s-sitta u għoxrin ta’ Marzu tal-elfejn, tnejn u għoxrin se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-festival glorjuż Mużika Mużika.
Il-festival li ġibed l-għajn ta’ aktar minn tliet mitt elf spettatur tul din is-sena li fosthom kienu wkoll spettaturi internazzjonali b’mod speċjali mill-Istati Uniti, Renju Unit u l-Awstralja.
Is-sottomissjonijiet online se jiftħu fis-17 ta’ Lulju, u dawk li jixtiequ jdaħħlu sottomissjoni b’mod fiżiku, jistgħu jagħmlu dan bejn it-tlettax u ħmistax ta’ Ottubru li ġej.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-festival qed jevolvi ruħu u apparti spettaklu ta’ tlett ijiem ser ikun hemm programm televiż jakkumpanjah ġimgħat qabel l-ispettaklu.
Iċ-Chairperson tal-festival Mużika Mużika Ray Bugeja spjega wkoll li l-festival ħa jagħti pjattaforma lil kantanti ġodda li ftit li xejn semmgħu leħinhom.
Huwa qal, “B’dawn il-bidliet qed nimmiraw ċertu affarijiet. L-ewwel nett, illi Mużika Mużika ma jkunx biss festival imma jkun ukoll mixja lejn preparazzjoni ta’ uċuħ ġodda. Bil-problemi li hawn tal-pandemija żidna wkoll l-ammont ta’ premji biex waħda, inħeġġu u tnejn, ngħinu lit-talent Malti kemm jista’ jkun.”
Il-Ministru għall-Arti Josè Herrera rrimarka li l-poplu Malti wera biċ-ċar l-għatx għal talent u festival ta’ dan it-tip.
Huwa stqarr: “Mużika Mużika kienet ovvjament inizjattiva li ħadna s-sena l-oħra u kien hemm konkorrenza aqwa milli prevedejna u kellna segwaċi wkoll tajba ħafna għaliex kellna segwaċi f’pajjiżna oħra speċjalment fejn hemm dijaspora Maltija. Għandna proġetti oħrajn intiżi biex nippromwovu l-ilsien Malti fil-kultura.”
Hu nnota kif il-festival Mużika Mużika filwaqt li attira talent kbir Malti, irnexxielu jagħti pjattaforma u joħloq diversi impjiegi fis-settur artistiku.
Il-premju għar-rebbieħ tal-festival huwa ta’ għoxrin elf ewro filwaqt li dawk li jikklassifikaw fit-tieni u fit-tielet post jieħdu għaxart elef u ħamest elef ewro rispettivament. Dan filwaqt li żewġ kanzunetti jistgħu jingħataw il-premji tal-aħjar kompożizzjoni u l-aħjar interpretazzjoni.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur muzikamuzika.mt