Għada l-Ħadd l-ewwel ta’ Settembru se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa mill-art.
Il-kaċċa tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx, ħlief fil-Ħdud u l-btajjel pubbliċi, meta l-kaċċa trid tieqaf fis-siegħa ta’ waranofsinhar.
Bejn il-ħmistax ta’ Settembru u s-sebgħa t’Ottubru – iż-żewġ ġranet inklużi – il-kaċċa trid tieqaf fis-sebgħa ta’ filgħaxija.
Il-kaċċa għall-gamiem tista’ ssir biss f’Settembru; bi kwota nazzjonali ta’ qbid ta’ massimu ta’ sebat elef gamiema.
L-istaġun tal-kaċċa u l-qbid tal-fenek selvaġġ jibqa’ miftuħ sal-aħħar tas-sena.
Il-qbid tal-kaċċa jrid jiġi rrappurtat permezz ta’ SMS fuq numru apposta, kull darba li l-kaċċatur ikun se jieqaf mill-kaċċa u jkun se jitlaq minn fuq il-post.
Fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti appellat lill-kaċċaturi biex jimxu mar-regolamenti u liġijiet rispettivi, u dejjem jikkoperaw mal-Pulizija.
L-istaġun tal-kaċċa mill-art jibqa’ miftuħ sal-aħħar ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.