Il-Ġimgħa se jkun qed jinfetaħ uffiċjalment l-istaġun tal-insib u miegħu dak tar-riċerka, hekk kif fl-aħħar sigħat il-Gvern ippubblika l-liġijiet neċessarji biex dan iseħħ.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li hu responsabbli mill-qasam permezz ta’ kitba fuq Facebook, fejn fiha qasam dak li ppubblika l-Gvern f’dan ir-rigward.
B’hekk wara l-konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis, il-Gvern stipula li mill-20 ta’ Ottubru sal-20 ta’ Diċembru, se ssir riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.
Kull min jipparteċipa hu obbligat iħarrab lura fis-selvaġġ kull għasfur li jaqbad immedjatament wara li jkun iċċekkja jekk għandux ċurkett xjentifiku. Dak li jkun għandu jirrapporta b’mod immedjat permezz ta’ telefonata fuq 8000 2020 jew l-app ‘Game Reporting MT’. F’każ li l-għasfur ikollu ċurkett xjentifiku dan ukoll għandu jiġi rrapportat fil-formola taċ-ċrieket.
Minbarra hekk, mill-20 ta’ Ottubru sal-aħħar tas-sena se jkun miftuħ l-istaġun tal-insib tal-Malvizz. Dan filwaqt li, għall-Pluvieri, se jinfetaħ mill-1 ta’ Novembru sal-10 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
Permezz ta’ din id-deroga kull min hu liċenzjat hu obbligat jirrapporta bl-istess mod għal dak rigward ir-riċerka fuq l-għasafar tal-għana, bl-istess mod f’każ li dawn ikollhom iċ-ċurkett xjentifiku.
Ġew ippubblikati wkoll l-ammont tal-kwoti nazzjonali għall-insib tal-Malvizz u għall-Pluvieri b’ħamest elef għal tal-ewwel u seba’ mija għal tal-aħħar.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Camilleri ħeġġeġ lil kull min se jipparteċipa f’dawn l-istaġuni biex josserva r-regolamenti kollha, filwaqt li tinġabar id-dejta rikjesta minnhom. Hu awgura wkoll staġun tajjeb għad-dilettanti kollha.