Il-Ġimgħa ser ikun qed jidħol l-ewwel cruiseliner f’pajjiżna mindu reġa’ fetaħ il-Port il-Kbir.
Madankollu għall-passiġġieri kollha abbord ser jidħlu fis-seħħ miżuri u protokolli stretti sabiex jassiguraw it-tnaqqis fit-tixrid tal-imxija Covid-19.
Apparti li kull persuna se tiġi ttesjata qabel titla’ abbord il-vapur, jekk fuq il-vapur jirriżulta mqar każ wieħed biss fil-pożittiv għall-Covid-19, ma jitħalla jinżel l-ebda passiġġier minn fuq il-vapur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb spjega wħud mill-miżuri li ser ikollhom jobdu dawk kollha li fil-jum tal-Ġimgħa ser ikunu ġejjin fuq il-cruiseliner MSC Grandiosa mill-Italja.
Is-Sur Xuereb spjega: “Kull passiġġier li jitla’ abbord se jiġi ttestjat. Il-vapur se jgħabbi biss Taljani u aħna l-uniku pajjiż barra mill-Italja li ser jieqaf hawnhekk.”
Qabel jitniżżlu l-passiġġiera, il-kaptan irid jippreżenta wkoll dokument lill-awtoritajiet tal-port fejn fih jiddikjara li l-vapur huwa ħieles mill-mard.
Fuq il-vapur se jkun hemm numru ta’ protokolli oħra mħaddma b’rabta maż-żamma tad-distanza soċjali fosthom dwar l-imwejjed u d-deckchairs u anki kif se jiġi servut l-ikel.
Intant l-Erbgħa, fuq ix-xandir nazzjonali, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li saħansitra dawk li jkunu fuq il-cruise u jippjanaw eskursjoni f’pajjiżna, mhux ser jitħallew jitilqu għal rashom minn fuq il-vapur.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet: “Passiġġier li jinżel mill-cruiseliner, mhux ser naraw tiela’ mit-telgħa tal-Kurċifiss fil-Furjana u jimxi waħdu l-Belt eċċ, min se jieħu excursion, eskursjoni lejn xi mużew partikolari etċ, se jkun biss fi trasport provdut mill-cruiseliner u f’kull karozza jkun hemm 15-il passiġġier mill-istess cruiseliner.”
Il-Ministru Farrugia qalet li l-cruiseliners se jkun qed jidħol fil-Port il-Kbir anki wara konsultazzjoni mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Il-cruiseliner tal-MSC se jkun qed ibaħħar lejn Malta għaliex pajjiżna huwa wieħed mill-aktar pajjiżi sigur għall-Covid-19.
Hija saħqet: “Dan il-cruiseliner partikolari għażel li jinżel Malta u mhux pajjiżi oħra minħabba s-safety li toffri Malta.”