Minn għada se jibdew jitqassmu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa, miżura tal-budget 2020 u li semmiet fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Din il-miżura se tiswa ħdax-il miljun u nofs ewro u se tolqot 212,000 ħaddiem.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-gvern qed jimplimenta din il-miżura minkejja l-isfidi.
Il-Ministru Scicluna spjega: “Dil-miżura hija waħda minnhom, hija importanti għax kull min jaħdem qegħdin nirrikonoxxu x-xogħol tiegħu billi nagħtu dak li qed ngħidulu tax refund. Minn ma jħallasx taxxa ukoll se nimmpremjawh billi jingħata €68 ċekk u min jaqla iżjed jaqla’ 40. Min jaqla’ ħafna ċ-ċekk ma jiħdux però tiġi tiswa l-Gvern €11.5 miljun minn għada.”
Il-Professur Scicluna spjega li min jaqla’ l-inqas jirċievi l-akbar ammont ta’ rifużjoni tat-taxxa. Din il-miżura hija intiża li tkompli tifrex il-ġid li ħoloq il-pajjiż fl-aħħar snin. Il-ħaddiema ser jirċievu ċekk ta’ bejn €40 u €68. Min idaħħal iżjed minn €60,000 fis-sena fi dħul mhuwiex eleġibbli għal din l-iskema.
Il-Ministru Scicluna qal li l-isfidi preżenti qegħdin jitolbu li l-Gvern jinjetta l-flus biex jistimola l-ekonomija, anka permezz tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Huwa sostna: “Qed nippumpjaw fl-ekonomija 1% tal-GDP kull xahrejn. Meta żidna miegħu dak il-baġit ta’ 900 miljun qed nuru li aħna dak li ġemmajna qegħdin nagħtuh biex l-ekonomija ma tbatix u tibqa’ kompettitiva u tibda tiġġenera l-flus minn barra.”
Mistoqsi wkoll dwar l-għajnuna lin-negozji permezz ta’ differimenti tat-taxxa, l-Ministru għall-Finanzi stqarr li minn Lulju dawn għandhom jibdew iħallsu l-pagamenti l-ġodda li jkunu dovuti lid-dipartiment tat-taxxi.
Il-Ministru Scicluna wieġeb: “Applikaw xi 8,000 intrapriża li talbu li jiġu posposti l-pagamenti. Aħna nixtiequ li l-bolla u t-taxxa tal-ħaddiem titħallas b’mod regolari, però dak li għandu b’lura għandu 12-il xahar biex iħallsu, fl-istess ħin hemm ir-refunds tal-VAT u t-taxxa tal-kumpaniji jistgħu jiġu posposti sakemm l-intrapriża tiddeċiedi li jkollha l-meżżi li tħallashom b’lura.”
Dwar il-proposta ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea lil stati membri wara l-imxija tal-Coronavirus, il-Ministru Sciclna qal li fuq livell Ewropew il-Gvern qed jiddiskuti u jinnegozja l-għotja u s-self proposti li jingħataw lil numru ta’ pajjiżi.
Semma li filwaqt li l-proposta li jiddaħħlu taxxi fuq livell Ewropew intiżi biex jissalvagwardjaw l-ambjent, hemm proposti oħrajn li jolqtu s-setturi tat-turiżmu u t-trasport ma tolqotx lill-pajjiżi kollha l-istess.
Semma li b’mod partikolari din taffettwa pajjiżi bħal Malta li huma fil-Mediterran u għandhom ekonomija bbażata fuq it-turiżmu. Qal li pajjiżna ċċara sew dan il-punt.