Fl-1966 il-Beatu Pawlu VI Papa rriforma l-forma tal-penitenza fil-Kostituzzjoni Appostolika dwar il-penitenza (Poenitemini). Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika tal-1983 inkluda l-bidliet li għamel il-Beatu Pawlu VI Papa. Fil-qosor dawn il-bidliet ifissru li l-Insara Kattoliċi li għalqu t-18-il sena iżda m’għalqux is-60 sena huma obbligati li jsumu darbtejn: nhar L-Erbgħa tal-irmied fil-Bidu tar-Randan Imqaddes (Ras ir-Randan) u fil-Ġimgħa l-Kbira.
Barra minn hekk l-Insara Kattoliċi kollha minn 14-il sena ’l fuq huma obbilgati li ma jieklux laħam fl-Erbgħa tar-Rmied (Ras ir-Randan), fil-Ġimgħa l-Kbira u kull nhar ta’ Ġimgħa matul iż-żmien kollu tar-Randan. Is-Sawm ifisser li tittiekel ikla waħda sħiħa f’ġurnata. Jista’ jittiekel xi ikel ieħor iżda mhux ikla sħiħa f’xi ħinijiet tal-ġurnata. L-Astinenza mill-ikel tal-laħam tipprojbixxi kull użu tal-laħam fl-ikel.
Ta’ kull sena l-Knisja tfakkarna f’dan l-obbligu tagħna u fl-osservzana tiegħu fil-ġranet imsemmija. Iżda ħadd m’għandu jintrabat bi skrupli żejda jekk għal raġunijiet validi ma jkunx jista’ jsum jew jastjeni mill-ikel tal-laħam. Il-Knisja tfakkarna wkoll li hemm uħud li huma skużati meta ma josservawx dawn lobbligi minħabba mard jew raġunijiet oħra.
‘Il fuq minn dan kollu, kumment mill-Papa Franġisku nnifsu s-sena li għaddiet kien jgħid, li inutli nsumu mill-ikel u l-ħelu meta mbagħad ma nħobbux u ma nħennux għall-proxxmu tagħna u jkun moħħna biss biex nagħmlu l-ħsara lil xulxin sforz l-għira. Il-Papa saħaq li Alla jippreferina naġixxu ta’ veru nsara ma’ xulxin milli sempliċiment nagħmlu xi ħaġa għall-għajn.