Għada l-Erbgħa, 6 ta’ Marzu 2019, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra l-Quddiesa Stazzjonali ta’ Ras ir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6:30 p.m. Il-Quddiesa tinkludi t-tberik u t-tqegħid tal-irmied. Dawk kollha li jaħdmu l-Belt Valletta jew jinzertaw il-Belt huma mistiedna jattendu.
Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali. Il-Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna. Filwaqt li tinkuraġġixxi l-penitenza fi żmien ir-Randan, il-Knisja tixtieq tfakkar li fost il-jiem u ż-żminijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.
Il-Papa Franġisku, f’diskors li għamel nhar il-Ħadd li għadda, ħeġġeġ lill-Kattoliċi sabiex matul dan ir-Randan jirriflettu fuq kif jittrattaw lil dawk ta’ madwarhom: “Kif inġib ruħi ma’ nies oħra? Jiena ipokrita meta nitbissem lil xi ħadd u minn wara dahru nikkritikah u nkissru b’ilsieni?” staqsa l-Papa. Il-Papa qal ukoll li jekk jasal l-Għid il-Kbir u nkunu kkritikajna inqas lill-oħrajn u naqqasna z-zekzik, “il-qawmien ta’ Ġesù jidher aktar sabiħ u ikbar fostna”.
Il-Papa tkellem ukoll dwar dan fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena fejn qal: “Insumu, jiġifieri nitgħallmu nibdlu l-imġiba tagħna mal-oħrajn u mal-ħolqien: mit-tentazzjoni li ‘nibilgħu’ kollox biex nissodisfaw il-kilbiet tagħna, għall-ħila li nbatu għall-imħabba, li tista’ timla l-vojt tal-qalb tagħna. Nitolbu biex nagħrfu niċħdu l-idolatrija u l-awtosuffiċjenza tal-jien tagħna, u nistqarru li aħna fil-bżonn tal-Mulej u tal-ħniena tiegħu. Nagħmlu karità biex nistgħu noħorġu mill-bluha li ngħixu u niġimgħu l-ġid kollu għalina nfusna, fl-illużjoni li b’hekk se niżguraw futur li mhuwiex tagħna. Hekk insibu mill-ġdid il-ferħ ta’ dak il-pjan li Alla qiegħed fil-ħolqien u fil-qalb tagħna, dak li nħobbu lilu, lil ħutna u lid-dinja kollha, u f’din l-imħabba nsibu l-vera hena”.