Għada t-Tnejn 6 ta’ Marzu fil-Lukanda Dolmen il-Qawra jingħata bidu għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker organizzat mill-European Billiards & Snooker Association bl-għajnuna u l-ħidma tal-Assocjazzjoni Maltija tas-Snooker, l-M.B.S.A.
Dawn jibqgħu għaddejin u jiġu fi tmiemhom is-Sibt 18 ta’ Marzu. Waqt din l-edizzjoni ser jsiru l-kampjonati fil-kategoriji tal-Irġiel u tal-Juniors. Fil-fatt l-ewwel l-logħbiet u kompetizjonijiet ser ikunu dawk tal-Juniors.
Il-kontingent mal-Maltin ser ikun magħmul minn 23 player, sittax fil-kategorija tal-irġiel u tmienja fil-kompettizjoni tal-Juniors li ser tkun maqsuma fi tlett kategoriji; taħt l-21 sena, taħt it 18-il sena u taħt is-16-il sena.
Is-sittax il-player fit-tim tal-irġiel huma Brian Cini, Chris Peplow, Aaron Busuttil, Duncan Bezzina, Alex Borg, Philip Ciantar, Mark Saffrett, Arthur Cachia, Joseph Casha, Frans Mintoff, Manwel Mallia, Tony Mifsud, Frans Abdilla, Melchior Galea, Isaac Borg u Ivan Attard.
Dawn ġew magħżula fuq il-kriterju li jinsabu fl-ewwel 16 il-post fir-rankings lokali tas-Snooker fil-mument. Brian Cini huwa wkoll ic-champion renjanti tal-kampjonat tas-Snooker f’Malti pero’ fost dawk li ser jieħdu sehem insibu lill-veteran Alex Borg li rebaħ il-Kampjonat Malti għal 13-il darba u Duncan Bezzina li bħal Brian Cini kien nkurunat champion lokali f’erba’ okkazzjonijiet.
Fil-kategorija tal-Juniors dawk li ser jirrapreżentaw lil Malta huma Jake Agius, Jamie Buhagiar, Zvailen Busuttil, Andrei Cini, Adam Pace, Luke Pace u Xavier Rizzo. Adam Pace ser ikun l-iżgħar parteċipant ta’ dawn il-Kampjonati u għad għandu biss tmien snin.
L-M.B.S.A. qed tħares lejn għan ewlieni, li tkun qed tagħti l-esperjenza fuq livell internazzjonali f’kampjonat daqstant importanti lil dawn iż-żgħażagħ Maltin li uħud minnhom bdew f’dan l-isport ftit xhur biss.
Matul dawn il-kampjonati ser jieħdu sehem aktar minn 300 player ġejjin 41 pajjiż. Fil-kategorija tal-irġiel, li ser jibdew bl-ewwel logħob tagħhom il-Ħadd 12 ta’ Marzu huwa maħsub li ser jieħdu sehem 177 parteċipant.
Fil-kategoriji tal-Junior, taħt il-21 sena ser jieħdu sehem 96, taħt it-18-il sena 79, u taħt is-16-il sena 60 player li ser jilgħabu l-logħbiet kollha ta’ kwalifikazzjoni mill-gruppi għada. F’dawn il-kateġoriji tal-Juniors insibu erba’ aħwa Skoċċiżi, Amaan Iqbal ta’ 17-il sena, Ayaan Iqbal li għandu 16-il sena, Azaan Iqbal ta’ 13-il sena, Adyan Iqbal l-iżgħar fost l-aħwa b’eta’ ta’ 11-il sena.
Il-logħob se jsir kif ġej:
U16 (6 & 7 ta’ Marzu)
U18 (7 sad-9 ta’ Marzu)
U21 (9 sat-12 ta’ Marzu)
Irġiel (12 sat-18 ta’ Marzu)