It-Tnejn tkompli l-erbatax-il leġiżlatura meta jibda jiltaqa’ mill-ġdid il-Parlament wara l-btajjel tas-sajf.
Minkejja li l-jum meta se jitħabbar il-Baġit għas-sena d-dieħla jinsab biss ftit jiem ’il-bogħod, id-deputati Parlamentari xorta waħda għandhom ħafna xogħol ieħor x’jagħmlu qabel jibda jiġi diskuss il-Baġit.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, ikkummenta ma’ One News li fl-ewwel ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura, il-Parlament diġà wettaq ħidma liema bħalha.
Fil-fatt, bejn Mejju u s-sebgħa u għoxrin ta’ Settembru ta’ din is-sena, twieġbu elf u sitt mitt mistoqsija Parlamentari u ġew mgħoddija żewġ liġijiet ġodda, fost ħidma oħra tal-Parlament.
L-Ispeaker tkellem dwar ftit mill-abbozzi ta’ liġijiet li mistennija jgħaddu mill-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.
Qal, “Intant, hemm l-aġenda tal-Parlament u daħlu ħafna abbozzi ta’ liġijiet. Pereżempju, għandek l-ewwel qari li jitratta biex jemenda l-kodiċi tal-organizzazzjoni u proċeduri ċivili. Għandek att importanti li huwa l-att li jemenda l-att dwar il-ħasil tal-flus, li illum nafu li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fl-Ewropa, aħna inklużi, trid tiġi miġġielda bl-iktar mod serju.”
Apparti minn hekk, hemm ukoll abbozz ta’ liġi marbut mal-electronic tagging ta’ persuni kkundannati mill-Qorti, kif ukoll abbozz ta’ liġi marbut mal-protezzjoni internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern, Andy Ellul, tkellem dwar l-agenda twila tal-Gvern fil-Parlament, u l-ħidma sabiex jitwettqu r-riformi li vvota għalihom il-poplu Malti.
Qal, “Aħna bħala Gvern se nibqgħu nimbuttaw l-aġenda riformista tagħna biex inkomplu nibnu fuq dak li diġà daħħalna anke fl-ewwel jum tat-tmexxija, fosthom il-liġi tal-IVF u d-deċiżjoni li nagħtu l-art taż-Żonqor lura lill-poplu tagħna. Hemm liġijiet oħra interessanti li se nkunu qed inressqu ’l quddiem, fosthom dwk biex insaħħu l-qafas demokratiku ta’ pajjiżna, liġijiet oħra li jsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, u liġijiet oħra li jirrigwardjaw anke l-ambjent.”