Bħal ma qed jiġri kull tmiem il-ġimgħa sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, l-attivitajiet ‘Inwettqu Flimkien’ se jkomplu l-Ħadd 14 ta’ April, f’ġurnata għall-familji Maltin u Għawdxin mal-Korpi Dixxiplinarji li se ssir fl-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja.
Din l-attività tagħmel parti minn kullana ta’ attivitajiet organizzati mill-Ministeri u entitajiet governattivi.
Bejn nofsinhar u s-sitta, kulħadd huwa mistieden biex jattendi fl-Akkademja tal-Pulizija f’Ta Kandja, fejn fost oħrajn se jkunu qed jittellgħu diversi attivitajiet marbuta mal-Forzi Dixxiplinarji li jinkludu id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Id-dħul għal dan il-jum mal-Korpi Dixxiplinarji se jsir min-naħa tas-Shooting Range fi Triq l-Imqabba, fejn hemm postijiet apposta fejn wieħed jipparkja.
Fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm dawk immirati għat-tfal imma mhux biss, kull min għandu ‘l minn 18–il sena jista jipprova u jispara b’arma tal-Forzi Armati ta’ Malta iżda li mhux se tispara bullets reali imma bullets li jintużaw waqt it-taħriġ.
Se jkun hemm bosta wirjiet fosthom ta’ vetturi minn kull entità, titjir bi drones mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u t-Taqsima tal-Forensika, il-banda tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi mwaqqfa s-sena l-oħra, abseiling u dawk tal-RIU.
Il-pubbliku li ħa jattendi se jkollu l-opportunità li jitkellem ma’ għadd ta’ uffiċjali, dwar il-ħidma sfieqa tagħhom għaċ-ċittadin, fosthom il-Pulizija tal-Komunita.
Paul Azzopardi, Uffiċjal fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol stqarr ma’ One News, x’jistenna kull min iżur il-Jum mal-Membri tal-Korpi Dixxiplinarji f’ Ta’ Kandja.
“Il-pubbliku jista jara l-għodda, li dawn jużaw kuljum. Wieħed jista jiltaqa’ mal-individwu, wara l-uniformi. Għalkemm dawn jaħdmu f’qasam li jirrkjedi dixxiplina stretta, fl-aħħar tal-ġurnata huma misirijiet bħalma huma missirijiet oħra, ommijiet, huma tad-demm u l-laħam. Wieħed jagħti l-apprezzament tiegħu li dawn jaħdmu 24 siegħa kuljum is-sena kollha. Qegħdin hemm mhux għalija biss imma għalikom ukoll. Ta’ min wieħed jara u japprezza l-ambjent li jaħdmu fih u l-għodda li għandhom biex jaħdmu.”
Qabel tlaqna ġibdulna l-attenzjoni tagħna dawn iż-żewġ vetturi li żgur li l-Ħadd waqt din il-ġurnata għall-familji Maltin u Għawdxin mal-Korpi Dixxiplinarji li se ssir fl-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, se jsibu xortihom.