Mill-5:00am ta’ għada s-Sibt, se tibda fażi ġdida tal-pont ta’ Triq il-Wied tal-Imsida, li fuqu tgħaddi Triq Reġjonali. Dan ikkonfermatu l-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta, li żiedet tispjega kif bħala prekawzjoni, il-parti ta’ Triq il-Wied ta’ taħt il-pont se tkun magħluqa sal-4:30pm tas-Sibt stess. Sewwieqa li bi ħsiebhom jgħaddu mill-inħawi f’dawn il-ħinijiet huma mitluba jsegwu t-tabelli temporanji li se jkun hemm fil-qrib.
Il-bini mill-ġdid ta’ dan il-pont qed isir bħala parti mill-proġett ta’ twessiegħ ta’ Triq Reġjonali għal sitt korsiji. Dan mistenni jtejjeb is-sigrutà mhux biss ta’ Triq Reġjonali, iżda anke tas-seba’ konnessjonijiet ta’ din l-arterja ma’ toroq ewlenin oħra, bħall-inħawi ta’ Tal-Qroqq u ta’ Santa Venera.