Fil-jiem li ġejjin Malta se tkun qed tiċċelebra t-tmiem ta’ Presidenza tal-Kunsill Ewropew li ħalliet il-frott u tefgħet lil Malta f’qagħda strateġika eċċellenti f’għajnejn il-poteri Ewropej u fl-istess ħin Stat Membru ieħor se jibda jagħlaq il-kapitlu tiegħu mal-Unjoni Ewropea.
Dan xahrejn biss wara li l-Mexxeja Ewropej iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li fost oħrajn se twiegħed Ewropa soċjali u sigura liċ-ċittadini. Dikjarazzjoni li kienet iffirmata minn 27 mexxej, u mhux 28.
Għaliex il-pinna Ingliża ma kinitx inkluża. Forsi turija li l-Unjoni Ewropea diġà qed tqis lir-Renju Unit bħala eks membru.
Issa nistgħu ngħidu li l-mument tal-prova għall-Unjoni Ewropea wasal.
Ftit inqas minn sena wara li l-poplu Brittaniku għajjat ‘LEAVE’, għada t-Tnejn se jibdew in-negozjati formali dwar Brexit.
In-negozjati, li se jitmexxew mill-Kummissjoni Ewropea, se jsiru skont kif l-Unjoni Ewropea taħseb li jkun l-aħjar għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini, bir-relazzjoni aħħarija bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea tkun diskussa iktar tard tul il-proċess Brexit.
Dan minkejja li d-Dipartiment għall-Ħruġ mill-U.E. fir-Renju Unit stess qal li dawn għandhom ikunu diskussi fl-istess perjodu, kif fil-fatt qalu fl-ittra tal-Prim Ministru Theresa May li intbagħtet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Marzu li għadda.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li proċeduri ta’ separazzjoni formali, drittijiet taċ-ċittadini fosthom dawk barranin li jgħixu l-Ingilterra, il-fruntieri Irlandiżi, u l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit huma l-ewwel fuq l-aġenda. Temi li l-Unjoni Ewropea ilha tinsisti fuqhom sa mir-riżultat ta’ Ġunju li għadda. Madanakollu, l-Unjoni temmen li r-Renju Unit jifhem u se jikkopera ma’ din ix-xewqa.
Għada t-Tnejn se jkun l-uniku jum allokat għal dawn id-diskussjonijiet għal din il-ġimgħa, bil-laqgħat ikomplu tul is-sajf kollu. Bl-Unjoni Ewropea turi x-xewqa li kull ġimgħa tkun indirizzata tema differenti u l-ippreżentar tad-dokumenti kollha meħtieġa.
Il-Kunsill Ewropew imbagħad se jiddeċiedi b’mod unanimu jekk id-diskussjonijiet imxewx b’mod sodisfaċenti biżżejjed sabiex jgħaddu għal temi oħra, bl-ewwel pass ikun l-iffirmar tad-direttivi tan-negozjati mill-Ministri Ewropej, li se jsir għada wkoll.
Wara l-iffirmar, in-negozjatur Barnier għandu ċans minn Diċembru li ġej sar-Rebbiegħa tal-2018 biex jinnegozja fethim dwar kummerċ bejn iż-żewġ partiti wara li l-proċess Brexit jintemm għalkollox.
Intant il-Partit Laburista Ingliż qed jopponi għalkollox l-attitudni tal-Gvern lejn il-bidu tan-negozjati. Tant li x-Shadow Minister għal Brexit, Sir Keir Starmer iddeskriva l-attitudni tal-Gvern Ingliż dwar Brexit bħala ‘belligerent and reckless’.
Qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ bil-fehma li ebda ftehim hu aħjar minn ftehim ħażin għar-Renju Unit għaliex dan żgur mhux se jkun għażla. Qal li l-Partit Laburista qed ifittex biex jiltaqa’ b’mod regolari mad-Dipartiment ta’ Brexit, biex ikun lest li jieħu r-riedni f’idejh jekk il-Gvern ta’ Theresa May iċedi.
Iżda jidher li mhux se jkun il-każ. May jidher li lesta tibqa’ tiġġieled din il-battalja politika li tefgħet fuq pajjiżha hi stess wara riżultat hekk imsejjaħ diżastruż tal-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Ġunju. Elezzjoni li għalkemm iggarantiet li se tibqa’ Prim Ministru, kellha bilfors tidħol f’koalizzjoni mal-Partit tal-Unjonisti Demokratiċi Irlandiż.
Il-Kap tad-DUP Arlene Foster qalet li l-partit se jimxi id f’id mal-programm leġiżlattiv ta’ May anke dwar id-deċiżjoni Brexit. Programm li se jkun l-aħħar test ta’ May f’Westminster. Intant May beħsiebha żżur Brussell bejn it-22 u t-23 ta’ Ġunju għal Summit fi Brussell dwar Brexit.
Foster qalet li l-koalizzjoni fil-Gvern trid taħdem għal Brexit li twassal il-ġid għand kulħadd – għal Brexit sensibbli. Dan minkejja li ammettiet li sa issa id-diskussjonijiet tal-koalizzjoni ma messewx temi soċjali li jolqtu liċ-ċittadin Ewropew b’mod dirett. Xi ħaġa li forsi wieħed jistenna, meta jqis li d-DUP huwa magħruf għas-sentimenti konservattivi għall-aħħar fejn jidħol żwieġ bejn persuni gay.
Il-Ministru għall-Finanzi Ingliż, Philip Hammond, qal li r-Renju Unit għandu jipprijoritizza s-salvagwardja tax-xogħlijiet u t-tkabbir ekonomiku fl-Istat. Dan biex il-prosperità tibqa’ garanzija għaċ-ċittadini wara l-ħruġ fl-2019. Iżda ebda ftehim ma jista’ jintlaħaq qabel ma tkun diskussa r-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet wara l-2019.
Tant hu hekk li l-mexxejja Ewropej ma ħallewx lin-negozjatur Michel Barnier biex jitkellem dwar negozju bejn iż-żewġ partijiet fil-futur, anke wara li Theresa May wissiet li se taddatta stil iktar konsultattiv għal Brexit.
Xejn mhu se jkun iffinalizzat sakemm ma jkunu diskussi t-temi kollha marbuta ma’ Brexit, tgħid il-Kummissjoni Ewropea. U fuq kollox trid titneħħa l-biża’ minn qalb iċ-ċittadini dwar kif dan kollu se jimpatta lilhom, lil uliedhom u lil pajjiżhom.
Il-Famuż Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Liżbona jgħid biċ-ċar li hemm sentejn ċans biss biex il-proċess ta’ ħruġ mir-Renju Unit jintemm.
B’hekk, Marzu 2019 se tibqa’ d-data fejn l-Unjoni Ewropea, minn 28, uffiċjalment issir 27.