Aktar minn tlieta u disgħin elf anzjan u anzjana f’pajjiżna bdew jibbenefikaw minn rati ogħla tal-pensjoni kif imwiegħed mill-Gvern fil-budget għal din is-sena.
Kull pensjonant qed jara żieda ta’ ħames ewro fil-ġimgħa b’effett mis-Sibt tnejn ta’ Jannar.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif l-ewwel pensjonanti li diġà rċevew iż-żieda s-Sibt li għadda huma dawk li għandhom pensjoni non-kontributorja li jgħoddu għal erbat elef, erba’ mija u erbgħa u tmenin, bi spiża totali ta’ miljun u tmien mitt elf ewro.
Imbagħad nhar is-Sibt, disgħa ta’ Jannar, aktar minn sebgħa u ħamsin elf pensjonant tal-irtirar, li jeskludu l-anzjani bil-pensjoni minima, se jirċievu l-pagament biż-żieda mħabbra fil-budget, bi spiża li tammonta għal aktar minn erbgħa u erbgħin miljun ewro.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, spjega li fost dawn, mitejn u erbgħin pensjonant li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, se jirċievu l-pensjoni għall-ewwel darba bis-saħħa ta’ miżura oħra ġdida fil-budget għal din is-sena.
“Meta persuna, bil-bolol li tkun ħallset mill-età ta’ dsatax-il sena ’l quddiem, ma tkunx ħallset biżżejjed biex tikkwalifika għall-pensjoni, għax dawk huma l-kontribuzzjonijiet tal-bolol li jgħoddu, minn din is-sena se jibdew jingħaddu wkoll il-bolol li tkunu tħallsu qabel l-età ta’ dsatax-il sena u jekk imbagħad meta tgħodd dawk il-bolol imħallsin qabel, il-persuna tilħaq il-minimu li għandha bżonn ta’ kontribuzzjonijiet biex tikkwalifika għall-pensjoni minima ridotta, tibda tirċievi pensjoni għall-ewwel darba.”
Is-Sibt, sittax ta’ Jannar, aktar minn sbatax-il elf anzjan u anzjana bil-pensjoni tar-romol, se jirċievu l-pensjoni tagħhom biż-żieda, fosthom sbatax-il armla li se jieħdu l-pensjoni ta’ żewġhom sħiħa għall-ewwel darba riżultat ukoll tal-miżura l-ġdida tal-Gvern tal-bolol imħallsa qabel id-dsatax-il sena.
Biż-żieda fil-pensjoni, u b’din il-miżura ġdida, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, qal li dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed.
“Hawnhekk qed nuru bil-fatti li aħna mhux biss ngħidu li nemmnu fil-ġustizzja soċjali imma kapaċi nintroduċuha għal dik li hi solidarjetà soċjali bil-fatti. B’dik il-miżura partikolari se nolqtu nies li sal-lum ma kellhomx pensjoni, xejn, kienu biss jieħdu bonus li ntroduċejna aħna bħala amministrazzjoni. Issa, dawk il-persuni li meta tgħoddilhom ta’ qabel id-dsatax-il sena u ta’ wara d-dsatax-il sena għandhom it-threshold ta’ bolol, ħa jikkwalifikaw.”
Is-Sibt, tlieta u għoxrin ta’ Jannar, sittax-il elf anzjan u anzjana oħra se jieħdu l-pensjoni biż-żieda.
Tlett elef minnhom għandhom il-pensjoni tal-invalidità, disat elef u seba’ mija jieħdu l-pensjoni minima u tlett elef u mitejn oħra jieħdu l-pensjoni minima miżjuda.
Nhar is-Sibt, sitta ta’ Frar, se jitħallsu żewġ għotjiet oħra. L-għotja ta’ tliet mitt ewro għall-anzjani li għandhom bejn il-ħamsa u sebgħin u disgħa u sebgħin sena, u l-bonus ta’ tliet mija u ħamsin ewro għall-anzjani ta’ tmenin sena jew aktar li baqgħu jgħixu fil-komunità.
Fl-istess ġurnata, il-bonus li jitħallas lill-anzjani li jkunu ħallsu xi bolol f’ħajjithom imma mhux biżżejjed biex jieħdu l-pensjoni, se jogħla b’ħamsin ewro oħra.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar li tul amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, il-pensjonanti ma raw lanqas imqar ċenteżmu żieda f’ħamsa u għoxrin sena, u b’differenza, f’sitt snin ta’ Gvern Laburista, il-pensjonanti raw żieda kull sena mhux biss tal-għoli tal-ħajja, imma wkoll fil-pensjoni.
B’dan il-budget, il-Gvern se jagħlaq waħda mill-proposti tal-manifest elettorali tal-elfejn u sbatax, li tul il-leġislatura, il-pensjonijiet jogħlew minn tal-inqas tmien ewro fil-ġimgħa.
Din is-sena, dik il-miżura se tkun intlaħqet u saħansitra nqabżet, qabel iż-żmien.