Kollox jinsab lest biex jiġi ċċelebrat Jum il-Ħaddiem fil-Belt Valletta.
Dan b’mass meeting tal-Partit Laburista, wara li nhar il-Ħadd li għadda nieda l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Mass meeting li se jsir fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt fejn l-ispettaklu jibda mit-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar.
L-ispettaklu, f’temp li mistenni jkun xemxi fejn ir-riħ li laqat lill-gżejjer Maltin fl-aħħar jumejn se jieqaf, se jkun imżewwaq minn kantanti żgħażagħ bħal Meghan May, Maxine, Klinsmann u Kylie mbagħad kantanti bħal Ozzy Lino u Mary Spiteri.
L-ispettaklu se jkollu mużika live minn The Palace String Orchestra.
Fiċ-ċelebrazzjoni li qed jagħmel il-Partit Laburista ta’ Jum il-Ħaddiem se tispikka wkoll l-opportunità li n-nies jiltaqgħu mal-kandidati Laburisti, kemm tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u anki tal-Kunsilli Lokali.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
“Irridu nagħtu s-saħħa liż-żgħażagħ, is-saħħa lill-pensjonanti, is-saħħa lill-istudenti, is-saħħa lill-ħaddiem u kunu magħna fl-1 ta’ Mejju għax aħna dik hi għajta li nibqgħu ngħajtuha dejjem, is-saħħa lill-ħaddiem, fuq kollox is-saħħa lilkom u f’idejkom. Għalhekk is-saħħa lill-Għawdxin, għalhekk is-saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela