Sal-aħħar ta’ Awwissu 2018, aktar minn 1,300 għaqda volontarja kienu rregistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO).
Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-funzjoni regolatorja ta’ dan l-uffiċċju, li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, juri li madanakollu, sal-lum, għad mhux magħruf in-numru ta’ għaqdiet volontarji li mhumiex irreġistrati.
Ir-rapport jgħid li din is-sitwazzjoni tqajjem diversi riskji għaliex l-OCVO ma jinżammx infurmat bl-operat u l-attivitajiet ta’ dawn l-għaqdiet u għaldaqstant ma jinqabdux mill-funzjoni regolatorja. Iżjed minn hekk, in-nuqqas ta’ din l-informazzjoni ttellef lir-Regolatur fl-ippjanar kif ukoll fid-determinazzjoni tar-riskji marbuta mal-operat ta’ dawn l-għaqdiet.
Ir-rapport jinnota li ħafna mill-Ministeri ma jinfurmawx lill-Kummissarju meta dawn jagħmlu għotjiet lill-għaqdiet volontarji. Fi ħdan l-OCVO teżisti wkoll nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi mnedija mill-għaqdiet volontarji. Dan iseħħ għaliex sa mill-2012 ma kienx hemm infurzar tal-liġi dwar l-obbligi li għandhom l-għaqdiet volontarji biex jirrapurtaw dwar ġbir ta’ fondi mill-pubbliku. Huwa maħsub li dan l-obbligu ser jibda jiġi infurzat.
Numru sostanzjali ta’ għaqdiet volontarji ma kkonformawx mal-obbligi legali tagħhom dwar is-sottomissjonijiet annwali. Għaldaqstant, riċentament, l-OCVO saħħaħ il-proċeduri interni tiegħu b’numru ta’ inizjattivi.
L-inizjattivi li qed jieħu l-OCVO flimkien mal-bidliet fil-liġi li saru f’Novembru 2018 għandhom l-intenzjoni li jsaħħu l-funzjoni regolatorja u l-governanza fis-settur tal-volontarjat.