Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li tliet xhur wara l-kwistjoni tal-każin Nazzjonalista waqt il-festa ta’ San Ġejtanu, għadha qed toħloq diżgwid intern.
Dakinhar Bernard Grech ma ddaħħalx fil-każin, iżda kien hemm aggressjoni vjolenti fuq persuna li kienet qed takkumpanjah u kellu jiġi operat.
Wara jiem ma jlissinx kelma u perjodu itwal jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ stqarrija xotta biex ħabbar li l-każin ingħalaq temporanjament.
Il-KullĦadd irrapportat li l-Viċi Kap Alex Perici Calascione jrid jiftaħ mill-ġdid dan il-każin, iżda d-deċiżjoni qajmet l-irwiefen fl-Istamperija.
Manuel Attard, il-barman li ma ħalliex lil Grech jidħol fil-każin, hu galoppin ta’ Mario De Marco u l-eks Kap Adrian Delia.
Il-pressjoni minn dawn il-fazzjonijiet wasslet biex tittieħed id-deċiżjoni li jerġa’ jiftaħ il-każin.
Fil-ġranet tal-baġit, l-attenzjoni fid-Dar Ċentrali daret fuq x’se jiġri mill-Każin tal-Ħamrun, għaliex persuni qrib ir-raġel li safa ferut, qalu li mhuwiex aċċettabbli li jinfetaħ.
Il-kliem kien li, jekk il-Kap m’għadx għandu rispett lejh innifsu wara li ġie umiljat b’dak il-mod, għall-inqas għandu juri rispett lejn min, biex jaqbeż għalih, safa vittma u saħansitra operat.
Waqt li hu kellu bżonn l-għajnuna, Bernard Grech telaq ’l hemm biex kompla jiddeverti man-nies waqt il-marċ u jieħu s-selfies. Wara qasam għan-naħa l-oħra tat-triq fejn daħal fil-Każin tal-Banda San Ġużepp u qagħad ixejjer lill-folla mill-gallarija.