Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ikun Prim Ministru, jerġa’ jibda n-negozjati mill-ġdid dwar l-American University of Malta.
Xi jfisser dan il-kliem eżatt ma nafux, imma hija wegħda li tipperikola ftehim li qed jagħti l-ħajja mill-ġdid lin-naħa t’isfel ta’ Malta. Mistennija jiġu lejn Malta mal-erbat elef studenti u miljuni ta’ ewro jkunu ġġenerati fl-ekonomija kull sena. Dan filwaqt li se jinħolqu mijiet ta’ impjiegi f’żoni li fl-imgħoddi ftit li xejn kienu jintgħażlu għall-proġetti ta’ dan it-tip.
L-Università Amerikana ta’ Malta qed tħejji għall-ewwel sena akkademika tagħha tant li ta’ spiss fil-ġurnali qed jidhru reklami li jsejħu għall-akkademiċi biex jaħdmu ma’ din l-istituzzjoni. L-ewwel kampus li se jintuża se jkun dak f’Bormla fejn issa x-xogħol avvanza sew.
It-tagħlim jibda din is-sena. Fl-intenzjonijiet tiegħu waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil ma semma xejn minn dawn il-fatti u lanqas iggarantixxa li taħt Gvern immexxi minnu, ftehim bħal ma għamel dan il-Gvern bl-American University of Malta se jkun rispettat bi sħiħ.