Il-Partit Laburista saħaq li f’materja sensittiva bħalma hi l-IVF, il-familji jridu soluzzjonijiet.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li sejjaħ lil dawk li ma jistax ikollhom tfal jgħinuh biex ikun fil-Gvern u b’hekk fi kliemu jassiguraw li t-tfal ta’ ħaddieħor ikollhom futur sabiħ.
Il-Partit Laburista qal li d-diskors ta’ Bernard Grech huwa wieħed insensittiv.
Dan fl-istess ħin li Grech ma joffri ebda soluzzjoni lill-familji u persuni li għaddejin minn sfida biex isiru ġenituri.
Il-Partit Laburista qal li Gvern ġdid immexxi minn Robert Abela, jekk jingħata l-fiduċja, jgħin lill-koppji biex isiru ġenituri u jdaħħal emendi fil-liġi tal-IVF billi jestendi s-servizz tal-IVF, jintroduċi servizzi ġodda bl-aktar teknoloġiji moderni biex koppji li jiffaċċjaw problemi ta’ infertilità jsiru ġenituri f’pajjiżna stess u jestendi s-servizz tal-IVF biex kull min diġà għamlu b’suċċess, ikollu ċ-ċans għal wild ieħor.
Il-Partit Laburista fakkar l-impenn li l-mediċini kollha assoċċjati ma’ dan il-proċess jingħataw b’xejn b’effett mill-bidu ta’ din is-sena.
Ġie rimarkat li quddiem dawn il-proposti l-Kap tal-Oppożizzjoni, qal biss lil dawk li qed jiffaċjaw din l-isfida biex jissieħbu fil-Partit Nazzjonalista u jieħdu ħsieb it-tfal ta’ ħaddieħor.
Quddiem il-fatt li Bernard Grech mhux japrezza l-bżonn ta’ aktar bidliet f’dan is-settur u qed ikun insensittiv bi kliemu, l-appell ta’ Nisa Laburisti jibqa’ biex dan is-suġġett ikun trattat bl-ikbar serjetà fejn ma jiġux injorati l-weġgħat tan-nies.