Għad-deputati tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma kienx hemm attakk fuq l-artisti wara li ħarġu qatta’ bla ħabel meta fil-festival tal-kanzunetta Maltija ‘Mużika Mużika’ tkanta wieħed mill-akbar suċċessi lokali, ‘Tema 79’.
Fil-fatt, dan l-istazzjon staqsa lil għadd ta’ deputati Nazzjonalisti dwar dak li ġie rrapportat mill-midja Nazzjonalista u saħansitra kkummentat dwaru mis-Segretarju Ġenerali l-ġdid Charles Bonello.
Madankollu, ma jidhirx li dak li ġara kien attakk, fosthom għad-Deputat Carm Mifsud Bonnici li ddeskrivieh hekk.
Carm Mifsud Bonnici: “Parti mill-battuti politiċi.”
Mhux tal-istess fehma kien id-Deputat Mario DeMarco li, minkejja li naqas milli jiskuża ruħu mal-artisti li dan kollu spiċċa fil-mira tal-politika partiġġjana tal-Partit Nazzjonalista, stqarr li din il-kanzunetta intużat għal skopijiet partiġġjani.
Mario DeMarco: “Intużat forsi għal skopijiet partiġġjani.”
Meta komplejna nistaqsu lid-Deputat Mifsud Bonnici saħansitra kkonferma li ma kien hemmx xi attakk.
Carm Mifsud Bonnici: “Ma naħsibx li kien hemm xi attakk.”
Din l-istqarrija saret fl-isfond li waqt l-attività politika, li tella’ fil-Kalkara l-Partit Nazzjonalista, s-Segretarju Ġenerali Charles Bonello qal hekk.
Charles Bonello: “Ikollok tisma’ l-propaganda partiġġjana bħal dak li jiġri fil-Korea ta’ Fuq.”
It-Tnejn waranofsinhar għadd ta’ deputati oħrajn li staqsejna, inkluż Claudette Buttigieg u Julie Zahra li ġejjin mill-qasam artistiku, għażlu li ma jirrispondux id-domandi ta’ dan l-istazzjon.