Awtorità Maltija għat-Turiżmu exprimiet li l-ħidma biex tħares iż-żewġ bajjiet ta’ Kemmuna (Blue Lagoon u Santa Marija) qed tħalli l-frott. Fi stqarrija l-Awtorità spjegat li l-uffiċċjali tagħha tkellmu ma’ diversi operaturi, inkluż dawk li jipprovdu servizz ta’ ġarr lejn u minn Kemmuna, fejn huma esprimew is-sodisfazzjon għar-riżultati miksuba.
Intqal li din il-ħidma ilha għaddejja madwar sentejn fuq Kemmuna, biex titieħed taħt kontroll is-sitwazzjoni t’abbużż u detterjorazzjoni tal-prodott li kien hemm għal snin twal fil-passat. Fil-fatt, kienu diversi l-multi li ngħataw lil min ma kienx konformi. Tajjeb infakkru li sal-aħħar ta’ Lulju l-Awtorità kienet diġa ħarget €12,000 f’multi.
L-MTA stqarret li l-ordnijiet kif miftehma mal-operaturi tal-umberellel u deckchairs qegħdin ikunu osservati, inkuż li ma jitpoġġewx deckchairs qabel ma’ jinkrew, l-ammont allokat fuq kull parti tal-bajjiet u l-prezzijiet massimi li bihom għandhom jinkrew.
L-MTA spjegat li tim ta’ uffiċjali mill-Awtorità dedikati fuq dan il-proġett, ta’ kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa jaqsmu minn kmieni filgħodu lejn iż-żewġ bajjiet imsemmija, sabiex mit-tmienja ’l quddiem iwettqu ħidma t’oservazzjoni u sorveljanza mill-qrib, fejn ukoll jittieħdu ritratti tas-sitwazzjoni fuq il-bajjiet u jiġu wkoll komunikati immedjatament mal-uffiċċji tal-Awtorità f’Għawdex u Malta. Dan isir biex meta u fejn ikun hemm bżonn li jittieħdu passi mmedjati dan isir mingħajr dewmien.
Il-provediment u finanzjar biex il-bajjiet jkollhom servizzi tal-ewwel għajnuna (Lifeguards) tindif u ġarr tal-iskart li jiġi ġġenerat mill-viżitaturi stess, isir kollu mill-fondi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bl-involviment ta’ stakeholders oħra, primarjament is-sezzjoni tat-tindif fil-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta.
L-Awtorità temmen u tkompli timmira li jsir pjan ħolistiku għal Kemmuna fit-totalità tagħha. Fil-fatt dan il-proċess se jibqa’ għaddej bla waqfien matul ix-xhur kajmana tal-Ħarifa u x-Xitwa.