“Ġiet salvata l-istorja tas-soċjetà tagħna.”
Dawn kienu l-kliem li użaw is-Soċjetà Filarmonika Antoine De Paule Banda Kristu Re f’Raħal Ġdid u ċ-Circolo San Giuseppe Sagra Familja fil-Kalkara b’reazzjoni għall-investiment ta sitt miljun ewro li permezz tiegħu, il-Gvern se jkun qed jakkwista każini tal-banda li kienu jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament.
Dan l-investiment sar bil-għan li l-għaqdiet mużikali jibqgħu jiġu ssalvagwardajti kif ukoll sabiex tinżamm il-kultura t-tradizzjonali Maltija b’rabta mal-baned.
Fl-elfejn u tmintax, il-Qorti kienet ordnat biex il-Banda De Paule ta’ Raħal Ġdid tispiċċa fit-triq wara lis-sidien kienu fetħu kawża li fIhom is-sidien argumentaw li sar xogħlijiet strutturali mingħajr il-kunsens tagħhom.
Biex jipprovdi soluzzjoni ġusta, il-Gvern, daħal jinnegozja ma’sidien ta’ propjetajiet privati biex jakkwista binjiet li huma okkupati mill-każini tal-baned, biex b’hekk jiġi evitat l-iżgumbrament tal-każin.
Il-President tas-Soċjeta Filarmonika Antoine De Paule, Raymond Busuttil esprima s-sodisfazzjoni għal dan l-investiment u spjega li minnu se tkun qed tgawdi wkoll il-komunità Pawlista.
“Naħseb fil-każ tagħna, kienet life saving għaliex kien hemm is-sentenza ta’ żgumbrament u allura l-intervemt tal-Gvern salva sabiex is-soċjetà tagħna tista’ tibqa tiffunzjona fil-premises li għanda illum.”
Tal-istess fehma kien is-Segretarju taċ-Circolo San Giuseppe Sagra Familja fil-Kalkara li sostna li dan l-investiment huwa pass kuraġġuż li se jtemm snin ta’ inċertezza li għaddew minnhom il-membri tal-każini tal-baned u s-sidien.
“Dejjem bil-giljottina fuq rasna, jekk jiddeċiedu s-sidien li iriduh lura, ovjament kellna niżgumbraw. Illum serraħna rasna, illum nibdew inħarsu ’l quddiem, ħadna rigal sabiħ. Kif qed ngħidlek 125 sena u konnha qed nistennew xi ħaġa li ma tkunx tixtieq.”
L-erba’ għaqdiet oħra li bbenefikaw minn dan l-investiment huwa l-Każin Banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema; l-Anici Band & Social Club ta’ Ħal Qormi; La Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, u l-Każin Banda Marija Regina tal-Marsa.
Min-naħa tiegħu, Lino Bartolo li huwa l-Assistent Segretarju tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda laqa’ b’sodisfazzjon dan l-investiment.
“Aħna grati lejn il-Gvern li qed jagħmel dan l-impenn biex il-każini tal-baned fejn huwa possibli jinxtraw u jkunu jistgħu jkomplu bl-attività kulturali f’kull lokalita f’Malta. Kif tafu l-baned għandhom irwol importanti ħafna f’kull lokalità u kienet tkun ħasra li xi każini kienu jispiċċaw jagħlqu u itemmu l-impenn tagħhom fil-lokalità.”
Intant, qed isiru negozjati oħrajn ma’ sidien ta’ soċjetajiet mużikali oħrajn li, bl-istess mod, qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament.