€40,200 kienet is-somma tal-offerta ta’ din is-sena biex għall-purċissjoni tal-Ħadd filgħaxija, tintrefa’ l-vara ta’ Santa Marija tal-Imġarr.
Tradizzjoni antika ħafna li tmur lura għas-sena 1922, meta l-vara nġiebet f’Malta minn Marsilja.
Fl-aħħar snin, l-offerti għall-irfiegħ kienu jagħmluhom żewġ gruppi tas-soltu, iżda din is-sena kien hemm it-tielet grupp b’uċuħ ġodda u iżgħar.
Is-sena l-oħra l-offerta finali kienet ta’ ħmistax-il elf ewro, b’din is-sena tkun aktar mid-doppju.
L-ewwel grupp ċeda mas-somma ta’ €30,000, bit-tieni grupp imbagħad ċeda mal-€40,000.
Lill-grupp rebbieħ kien qed jirrappreżentah l-Imġarri Noel Muscat, li eżattament wara li sar magħruf li għall-ewwel darba kien se jkun hu, sħabu u qrabatu li jerfgħu l-vara l-Ħadd filgħaxija, ONE NEWS ħa l-ewwel reazzjoni tiegħu.
“Għall-ewwel darba ħadniha, kont tħajjar nidħol meta żżewwiġt, issa erġajt dħalt u l-ewwel kont se ngħaqqad grupp iżda mhux kulħadd seta’ minħabba finanzi, imbagħad sibna xi għajnuna u ġew xi Awstraljani kuġini u hekk u irbaħniha.”
Kif qal Noel Muscat, magħhom il-Ħadd filgħaxija se jerfgħu qraba u ħbieb li ġew mill-Awstralja.
“We are very very happy, missieri u missier dan kienu refgħu flimkien u issa komplejna mat-tradizzjoni aħna. Ferħanin ħafna. Hawnhekk kulħadd jiġi minn xulxin, Aħna minn tal-Plitt, Berken, Aħmar u tal-Grieg, fl-antik kull familja kienet toħroġ għaliha imma issa ngħaqadna grupp.”
Tkellimna wkoll mal-Amministratur tal-Parroċċa Imġarrija, Dun Noel Vassallo li mexxa din l-offerta li bdiet mat-tokki ta’ nofshinar.
Huwa qal kif din hija tradizzjoni u dawn il-flus imorru għall-bżonnijiet tal-parroċċa u għall-karità.
“Il-flus se jmorru biċċa minnhom għall-festa, u l-kumplament għall-manutenzjoni tal-Knisja kif tistgħu taraw għandna l-bini tas-Sangristija u xogħol ieħor li għandna bżonn imma minn fejn ġejjin il-flus aħna rridu nissorveljaw ħalli naraw li jkunu ġejjin b’mod leċitu ħafna u dejjem sibna li ġejjin mill-qalb tal-bniedem li f’demmhom għandhom din ix-xewqa li isma agħtuna ċ-ċans li nagħmlu din il-ħaġa.”