“Il-proposti u l-miżuri ta’ Gvern Laburista ma baqgħux fuq il-karta, iżda ġew, qed jiġu u se jibqgħu jiġu implimentati favur il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta fil-Parlament it-Tlieta waranofsinhar tkellem dwar l-estimi finanzjarji tal-Baġit 2025 u li, fi kliem bosta, hu l-aqwa wieħed li qatt ġie ppreżentat minn Gvern Laburista.
Baġit li, flimkien maż-żewġ baġits l-oħrajn ta’ dan il-leġiżlatura s’issa, għandhom rifless fihom l-elf proposta tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, bil-Prim Ministru hawnhekk iħabbar li minn dawn diġà twettqu ħafna.
“Mill-proposti tal-manifest ‘Malta Flimkien’, ir-rata ta’ implimentazzjoni tagħhom qabżet is-66%, jiġifieri qbiżna żewġ terzi tal-implimentazzjoni tal-manifest elettorali tagħna. Fi tliet baġits minn ħamsa diġà wettaqna ħafna mill-miżuri ewlenin.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Fost il-miżuri, li semma l-Prim Ministru, hemm it-tnaqqis fit-taxxa lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin, it-twaqqif ta’ Project Green fejn s’issa rriġenerat mal-150,000 metru kwadru ta’ art fi spazji ġodda ħodor u miftuħa, l-għotja ta’ għaxart elef ewro lill-first time buyers, iż-żieda storika fiċ-Children’s Allowance, iż-żieda massiva fil-pensjonijiet, l-aċċess aħjar għall-IVF u t-tijib fil-parental leave.
Dan mhux biss, hekk kif hawnhekk il-Prim Ministru ħabbar li, fil-jiem li ġejjin, se tkun qed tiġi implimentata miżura li se ssaħħaħ il-Carers’ Grant.
“Se nkunu qed naraw li dawn il-ġenituri li biex jieħdu ħsieb lil uliedhom li għandhom diżabilità severa u allura jridu jibqgħu bilfors id-dar, ikunu koperti bil-bolol akkreditati, jiġifieri l-istat se jakkredita l-bolol, is-social security contributions, biex naħsbu għall-futur ta’ dawn il-ġenituri li jista’ jkollhom il-pensjoni tagħhom ipperikolata, bil-bolol issa se jkunu meqjusa daqslikieku ġew imħallsa.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dr Abela anke għamel referenza għall-Malta Vision 2050, li saħaq kif din tinsab fi stadju avvanzat biex titwettaq.
Fuq kollox, il-Prim Ministru nnota l-ekonomija ferm b’saħħitha li għandu pajjiżna, dan għax il-Gvern jisma’ u jifhem ir-realtajiet tan-nies. Għax il-Gvern verament jemmen fin-nies.
“Jekk il-Maltin u l-Għawdxin jitolbu minni li nżid is-servizzi soċjali, li ntejjeb is-saħħa pubblika, li nġib lejn Malta l-aqwa opportunitajiet ta’ karrieri, li nsebbaħ lil pajjiżna, jien dak li trid il-popolazzjoni tagħna se nkun qed nagħmel. U se nagħmel dan b’ħilti kollha, se nibqa’ nissielet b’saħħti kollha biex nilħaq u nwieġeb għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Għawdxi u Malti u nagħmel dan minkejja kull sfida internazzjonali biex dak li jridu l-Għawdxin u l-Maltin jitwettaq kollu kemm hu.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela