Hekk kif il-fanatiċi tal-logħob tal-futbol qed jistennew bil-ħerqa biex jaraw min se jkun ir-rebbieħ tal-Euro 2024, għexieren ta’ persuni kienu qed jingħataw l-opportunità biex waqt il-kampjonat jitgħallmu s-CPR.
Dan hekk kif, b’kollaborazzjoni mal-UEFA u l-European Resuscitation Council flimkien mal-Malta Resuscitation Council, ittellgħet l-inizjattiva ‘Get Trained Save Lives’.
L-għan aħħari wara din l-inizjattiva hu biex aktar persuni jitħarrġu fis-CPR, iżda kif, fl-istess waqt, tinħoloq aktar kuxjenza b’rabta mal-importanza li wieħed ikun jaf din il-proċedura sempliċi, iżda li ssalva l-ħajja, kemm jekk adult kif ukoll tfal.
Tkellimna ma’ Marius Caruana, li hu parti mill-Malta Resuscitation Council, kellimna dwar x’kien il-ħsieb wara l-inizjattiva.
“Inżidu t-tagħrif dwar l-importanza li tkun taf x’għandek x’tagħmel meta nsibu persuna li mhux tieħu n-nifs mal-art; iġifieri li nagħjtu mill-ewwel għall-ewwel għajnuna, u sakemm tiġi dik l-għajnuna professjonali, nibdew biċ-chest compressions, li nkunu nafu kif nagħmlu dawn iċ-chest compressions tajbin biex inżommu l-qalb kemm jista’ jkun tħabbat u niċċerkolaw l-ossiġnu tant importanti biex inżommu l-moħħ tajjeb sakemm tiġi l-ambulanza”
Hu spjega kif dik l-azzjoni, li tittieħed fi ftit sekondi meta persuna jaf ikollha bżonn tali għajnuna, kapaċi ssalva l-ħajja. Dan sakemm wieħed ikun qed jistenna lill-professjonisti jaslu waqt emerġenza.
Hu tenna l-importanza li, filwaqt li hu importanti ħafna li l-adulti jkunu jafu jagħmlu s-CPR, f’każ ta’ emerġenza tajjeb ukoll li nħarrġu lit-tfal.
“Tfal żgħar importanti nagħlmuhom almenu x’għandhom jagħmlu – li jirrikonoxxu li xi ħadd mhux jieħu n-nifs u jkunu jaf kif jagħmlu l-ewwel telefonata lill-112 u x’għandhom x’jgħidulhom: jgħidulhom min huma, fejn qegħdin, u jgħidulhom ukoll li għandna xi ħadd li mhux jieħu n-nifs. Iktar ma jikbru t-tfal iktar isiru b’saħħithom u jkunu kapaċi jagħmlu ċ-chest compressions; iġifieri minn 10 snin ’il fuq, ikunu assolutament kapaċi jagħmlu ċ-chest compressions u li jitgħallmu kif jagħmluhom”
Hu spjega kif, permezz ta’ din l-inizjattiva, aktar minn 170 persuna, ta’ bosta etajiet, tħarrġu proprju fil-‘Villaġġ tal-Futbol’, li ttella’ fil-Mercury Towers, f’San Ġiljan.