Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, wieħed mill-postijiet fejn tqassmu r-rigali mill-carers lill-ommijiet li bħalissa jinsabu rikoverati hemmhekk, kif ukoll lill-ħaddiema li qegħdin jikkurawhom. Barra minn hekk, hekk kif nhar il-Ħadd, 10 ta’ Mejju, jitfakkar Jum l-Omm, ingħataw ir-rigali lill-ommijiet u lill-ħaddiema fid-djar tal-anzjani, il-homeless f’Dar Padova, u lill-anzjani li jattendu l-active ageing centres, li tqassmulhom fid-djar tagħhom. Minħabba s-sitwazzjoni li ninsabu fiha u sabiex l-għeżież tagħna jibqgħu protetti, ir-rigali tqassmu mill-carers stess li jieħdu ħsieb lil dawk fl-isptar u tad-djar.
Il-Ministru Camilleri qal li dan huwa ġest żgħir bħala turija ta’ apprezzament lill-ommijiet, u lill-ħaddiema li jieħdu ħsieb ommijietna, li baqgħu jaħdmu b’tant dedikazzjoni matul dan iż-żmien diffiċli. Hu qal li Jum l-Omm hija festa għażiża ħafna għalina l-Maltin u l-Għawdxin, tant li huma bosta dawk li ssoltu mdorrijin jiċċelebrawh flimkien bħala familji. Madanakollu, stqarr li għalkemm dan Jum l-Omm huwa differenti minn tas-snin ta’ qabel u għal uħud dan huwa żmien diffiċli minħabba li jinsabu fl-isptarijiet, fakkar li dan kollu qed isir għal ġid ta’ dawk l-iżjed vulnerabbli sabiex nipproteġuhom. Fosthom, semma lil ommijietna anzjani, fejn spjega li ladarba jgħaddi kollox se nkunu nistgħu nerġgħu ngawduhom.