Il-Ħadd li ġej Malta se tospita għall-ewwel darba kampjonat Ewropew tal-FEGAT tan-nisa. L-40 edizzjoni ta’ dan il-kampjonat issa se tkun organizzata mill-Malta Racing Club, bl-appoġġ ta’ EquestriMalta.
Il-FEGAT hi l-Federazzjoni Ewropea għal Sewwieqa Dilettanti u tħaddan 13-il pajjiz Ewropew, inkluża Malta li ssieħbet fl-2019 u diġà kellha wirjiet pożittivi f’kampjonati organizzati minnha. Fost l-oħrajn, pajjiżna hu ċ-champion renjanti tal-kampjonat dinji tal-federazzjoni, bir-rebħa ta’ Cliferty Calleja fl-edizzjoni 2022 li saret fl-Italja.
Din se tkun it-tieni parteċipazjoni għal Malta fil-Kampjonat Ewopew FEGAT tan-Nisa. Wara l-esperjenza fin-Norveġja s-sena l-oħra, il-Malta Racing Club reġa’ għażel lill-ġerrejja żagħżugħa Cherise Farrugia biex tirrappreżenta lill-pajjiżna fl-edizzjoni tal-Ħadd li ġej.
Għaldaqstant f’pajjiżna se jkun hawn 12-il ġerrejja barranin li, flimkien mal-Maltija, se jsuqu f’erba’ tiġrijiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit, sostna kif l-entità hi kommessa li tibqa’ tattira, tippromwovi u ssostni finanzjarjament attivitajiet bħal dawn li mhux biss joffru spettaklu u turiżmu sportiv, iżda jservu ta’ vetrina u promozzjoni ta’ dan l-isport, anke man-nisa.
Id-Deputat Chairman tal-Malta Racing Club, Tony Demanuele, irringrazzja lis-sidien tal-kollaborazzjoni biex żwiemel tagħhom jiġru f’dan il-kampjonat. Saħaq ukoll kif, bl-għajnuna finanzjarja u amministrattiva ta’ EquestriMalta, kampjonati bħal dawn jistgħu jsiru fil-Malta Equidrome.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima, esprima s-sodisfazzjon tiegħu ghall-kollaborazzjoni konġunta li saret u grazzi għal dan, darb’ohra pajjiżna qed jikseb fama li għandha l-kapaċitajiet u r-riżorsi biex isiru avvenimenti internazzjonali.
Ta’ min jirringrazzja lil dawk kollha involuti u nkomplu naħdmu biex, permezz ta’ dawn is-suċċessi, inkomplu ntejbu u nibnu aktar reputazzjoni fuq livell internazzjonali. U iva, għalfejn le, nattiraw lejn pajjiżna dawn it-tip ta’ kampjonati, f’dan il-każ il-kampjonat femminili.
Il-Ministru Clifton Grima
Din se tkun it-tieni kompetizzjoni internazzjonali organizzata mill-Malta Racing Club f’pajjiżna f’temp ta’ sitt xhur.