Fil-Ġermanja, mill-bidu ta’ din is-sena l-ġdida kien hemm żieda kbira fuq il-poplu b’piżijiet oħrajn li se jolqtu r-restoranti, il-kafetteriji u l-lukandi. Dan hekk kif il-Gvern Ġermaniż żied il-VAT għal dsatax fil-mija minn sebgħa fil-mija għal kull ikel li jservu.
Din iż-żieda fit-taxxa qed tkun meqjusa bħala detriment kemm għall-konsumaturi minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet u anke għall-industriji affettwati. Dan hekk kif inhu mbassar li inqas nies fil-pajjiż bl-akbar ekonomija fl-Unjoni Ewropea se joħorġu jieklu u jiddevertu.
L-imsieħba soċjali fil-pajjiż irreaġixxew b’mod negattiv għal din iż-żieda fil-VAT u sostnew li madwar 12,000 kumpanija fl-industrija mistennija jfallu. Dan hekk kif l-istess impriżi, minbarra n-nuqqas ta’ klijentela, se jaffaċċjaw fost kontijiet ogħla tad-dawl bl-irtirar ta’ sussidji fil-kriżi tal-enerġija.
Din iż-żieda tfisser li t-taxxa reġgħet ġiet bħal qabel il-pandemija globali, anke jekk il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz kien wiegħed li din ma kinitx se terġa’ tiżdied.
Fl-aħħar xahar fil-Ġermanja kien hemm ukoll żieda qawwija fl-inflazzjoni, appena l-Gvern neħħa s-sussidji li ngħataw f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi internazzjonali.
Is-sitwazzjoni f’Malta hi pjuttost differenti, hekk kif il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, kompla bil-politika ta’ stabbilità. Dan permezz ta’ investiment ta’ €350 miljun oħra din is-sena biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels stabbli għall-familji u n-negozji.