25 persuna ġew arrestati f’rejds madwar il-Ġermanja fuq suspett li qed jippjanaw biex iwaqqgħu l-gvern.
Rapporti fuq mezzi tax-xandir Ġermaniżi qed jgħidu li grupp mil-lemin estrem u eks-militari ppjanaw li jattakkaw il-bini tal-parlament, ir-Reichstag, u jaħtfu l-poter.
Raġel Ġermaniż imsemmi bħala prinċep u msejjaħ Heinrich XIII allegatament li kien ċentrali għall-pjanijiet tagħhom. Huwa għandu 71 sena. Skont il-prosekuturi federali, huwa wieħed minn żewġ allegati mexxejja fost dawk arrestati madwar 11-il stat Ġermaniż.
Qed jingħad li dawk li kienu parti mill-pjan jinkludu membri tal-moviment estremista Reichsbürger [Ċittadini tar-Reich], li ilu għal żmien twil fil-mira tal-pulizija Ġermaniża minħabba attakki vjolenti u teoriji ta’ konfoffi razzisti. Barra minn hekk, jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-istat Ġermaniż modern.
Huwa stmat li 50 raġel u mara allegatament kienu parti minn dan il-grupp li kien qed jippjana biex iwaqqa’ r-repubblika u jibdluha bi stat ġdid, imfassal fuq il-Ġermanja tal-1871 – imperu msejjaħ it-Tieni Reich.