Żewġt irġiel Ġermaniżi ta’ sebgħa u għoxrin sena u dsatax-il sena baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li importaw kilogramma reżina tal-kannabis u mitt gramma ħaxixa tal-kannabis.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li aktar kmieni dan ix-xahar, uffiċjali tad-Dwana tal-posta waqfu pakkett suspettuż, u minn hemm infetħet inkjesta. Fil-25 ta’ Jannar, l-akkużati marru jistaqsu għal dan il-pakkett, fejn ġew arrestati.
Iż-żewġ akkużati wieġba mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, u talbu għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba għaliex il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni u għad iridu jitkellmu iktar nies.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u talbet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda kollha fl-iqsar żmien possibbli.