Ġermaniż ta’ tlieta u tletin sena ammetta fil-Qorti li kkawża ġrieħi fuq is-sieħba tiegħu.
L-avukat tal-għajnuna legali, Martha Mifsud stqarret li r-raġel għamel li għamel għaliex kien xurban u għandu vizzju tax-xorb. Hi qalet li l-imputat mhuwiex persuna ħażina iżda sfortunatament kien f’sitwazzjoni fejn l-alkoħol u r-rabja ħadu kontroll u wasslu għal dan l-inċident.
Saħansitra l-prosekuzzjoni kkonfermat li l-imputat ikkopera bi sħiħ u qalet li l-akkużat kien xurban waħda sew u sostniet li l-akkużat għandu bżonn ordni ta’ trattament sabiex jaffaċja dan il-vizzju.
Minkejja dan, il-prosekuzzjoni rrimarkat li l-ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettata anki jekk il-persuna tkun xurbana.
Għaldaqstant kemm il-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li m’għandhiex tingħata l-piena massima.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ordnat li l-każ jiġi deċiż nhar il-Ħamis 27 ta’ April fejn l-imputat qiegħed jaffaċċja bejn tlieta u erba’ snin ta’ priġunerija.