Ġermaniż ta’ 45 sena ġie arrestat f’pajjiżna wara mandat t’arrest Ewropew minħabba reati ta’ frodi li wettaw fil-Ġermanja.
Wara jiem ta’ sorveljanza, fit-18 ta’ Lulju, 2020, ir-raġel kien arrestat minn appartament f’San Ġiljan, bil-Pulizija Maltija jesegwixxu Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Awtoritajiet Ġudizzjarji tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Il-bieraħ, ir-raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Rachel Montebello LL.D sabiex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Ġermanja. Madankollu, huwa ma tax il-kunsens tiegħu sabiex
jiġi estradit lura lejn pajjiżu.
Permezz tal-avukati difensuri, ir-raġel talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda mill-Qorti. Is-smiegħ dwar l-estradizzjoni mistenni jkompli fil-jiem illi ġejjin.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea, assistit minn Dr Meredith Ebejer mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Ġermaniż ġie arrestat mil-Pulizija Maltija mis-‘Central Intelligence & Analysis’, flimkien mat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.