Ġermaniż ta’ 27 sena ġie arrestat mill-Pulizija f’Għawdex b’rabta ma’ kultivazzjoni tal-pjanti tal-kannabis, f’ammont li huwa aktar milli tippermetti l-liġi.

Wara sorveljanza fuq residenza fi Triq ix-Xjuf ir-Riħ, in-Nadur, dalgħodu l-Pulizija, daħlu ġewwa u sabu kamra armata b’apparat relatat mal-kultivazzjoni tad-droga.
F’din l-istess kamra nstabu madwar 20 pjanta tal-kannabis, żrieragħ tad-droga kif ukoll oġġetti oħra relatati mal-kultivazzjoni tal-kannabis.

Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.