George Vella… Żejtuni, missier u tabib.
Miżżewweġ lil Miriam, għandu tlett itfal, żewġt ibniet u tifel u huwa nannu ta’ sebgħa.
George Vella twieled iż-Żejtun fl-24 ta’ April tal-1942, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Huwa ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fiż-Żejtun imbagħad mar fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ ta’ De La Salle fil-Kottonera. Hemmhekk kellu wkoll żmien qasir ħafna fejn għallem f’dan il-kulleġġ.
Huwa studja u ggradwa bħala tabib f’dik li kienet tissejjaħ bħala l-Università Irjali ta’ Malta.
Huwa sar tabib fl-istess sena li Malta saret Indipendenti.
Tul il-ħidma tiegħu fil-qasam tas-saħħa ħa bosta esperjenzi barra minn Malta fosthom f’Berlin u f’Oslo.
Huwa ħadem ta’ tabib fl-isptar San Luqa u kien ukoll uffiċjal mediku fit-Tarzna.
Fis-sebgħinijiet taħt it-tmexxija tal-Perit Dom Mintoff, Dr. George Vella daħal fil-politika u kkontesta l-elezzjoni tal-elf disa’ mija sitta u sebgħin fuq it-tielet distrett.
Għalkemm ma telax mal-ewwel, sentejn wara sab ruħu fil-Parlament permezz ta’ elezzjoni każwali.
F’dik il-ħabta, it-tabib George Vella kien fost dawk li kienu strumentali biex jaqdi lil pajjiż waqt l-istrajk tat-tobba.
Għal dan kien għodu se jħallas qares hekk kif bħat-tabib Edwin Grech huwa kellu indirizzata lilu ittra bomba.
Sfortunatament għall-familja Grech, permezz ta’ dak il-pakkett qattiel, inħasdet il-ħajja ta’ Karin Grech iżda b’xorti tajba, l-ittra indirizzata lil George Vella weħlet il-posta.
Huwa reġa’ ġie elett fil-Parlament fl-elezzjoni tal-elf disa’ mija wieħed u tmenin u f’dawk il-ħames snin ħadem qatigħ għat-tibdil Kostituzzjonali meħtieġ sabiex jiġi evitat riżultat elettorali pervers.
Fl-elezzjoni ġenerali ta’ wara, it-tabib George Vella ma ġiex elett iżda xorta baqa’ attiv biex fl-elf disa’ mija tnejn u disgħin, Karmenu Mifsud Bonnici, dak iż-żmien mexxej tal-Partit Laburista f’dikjarazzjoni pubblika fil-Gżira sejjaħlu bħala s-suċċessur tiegħu.
L-umiltà ta’ George Vella kompliet tispikka f’dan il-mument meta huwa rringrazzja lil Dr. Mifsud Bonnici iżda għażel li mhux il-waqt għalih.
Huwa imbagħad sar Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament fejn flimkien ma’ Dr. Alfred Sant u Dr. George Abela ppreżentaw triju rebbieħ fl-elezzjoni ġenerali tal-elf disa’ mija sitta u disgħin.
Meta Alfred Sant ħa l-Gvern f’idejh, George Vella sar Deputat Prim Ministru.
Huwa kellu portafoll wiesa’ bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u anki dak tal-Ambjent.
Huwa kien magħruf għall-integrità u l-korrettezza li mexa biha mhux biss fil-fora internazzjonali iżda anki fil-qasam ambjentali li kien għadu nieqes mill-kuxjenza favur tiegħu fid-disgħinijiet.
Fl-elfejn u tlieta kkampanja kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea iżda imbagħad irrispetta l-verdett tal-poplu fl-elezzjoni ġenerali u kien minn ta’ quddiem biex il-Partit Laburista jaġġorna l-politika tiegħu f’kuntest ta’ sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.
Filfatt Dr. George Vella kien membru fil-Konvenzjoni għall-futur tal-Ewropa.
F’dan l-istess żmien huwa sar speċjalista fil-mediċina.
Wara r-riżenja ta’ Dr. Alfred Sant minn mexxej tal-Partit Laburista fl-elfejn u tmienja, George Vella kien il-persuna li ħeġġeġ bi sħiħ lil Joseph Muscat biex jikkontesta għall-mexxej tal-partit.
Fl-elfejn u tlettax huwa reġa’ ġie elett fil-Parlament, hekk kif fl-erba’ elezzjonijiet ta’ qabel kien ġie elett fuq żewġ distretti, it-tielet u l-ħames distrett.
Bir-rebħa tal-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, George Vella reġa’ sar Ministru għall-Affarijiet Barranin u ma’ dan id-dekasteru żdiedulu l-Affarijiet Ewropej.
Huwa jibqa’ mfakkar għal ħidma sfieqa u ma taqta’ xejn li għamel għall-pajjiżna fil-komunità internazzjonali.
Mar f’diversi pajjiżi fuq żjarat uffiċjali u ħadem fl-interess nazzjonali.
Sehmu kien importanti fil-Valletta Summit u l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth fl-elfejn u ħmistax.
Fl-elfejn u sbatax George Vella rtira mill-politika lokali u s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland ħatritu membru f’grupp għoli li kien qed jiddiskuti l-ġejjieni tat-tmexxija tal-Commonwealth.
Ftit tax-xhur ilu r-Reġina Eliżabetta t-Tieni tagħtu l-kavallerat tal-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ.
L-unur kien ingħata lil Dr. Vella fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, personalment mid-Duka ta’ Kent, li jiġi l-kuġin tar-Reġina.
Huwa wkoll membru tal-Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu ta’ Malta.
Nhar it-Tlieta li għadda huwa ġie approvat b’mod unanimu mill-Kamra tar-Rappreżentanti biex illum qed isir l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta.