George Vella se jkun l-10 President ta’ Malta. Dan tħabbar fi sqarrija mill-Gvern li fiha ngħad li f’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Kabinett approva b’mod unanimu proposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex it-Tabib Vella jkun innominat għall-Presidenza.
Il-Gvern qal li f’laqgħa li saret immedjatament wara, il-Grupp Parlamentari tal-Gvern ukoll appoġġja din in-nomina b’mod unanimu.
It-Tabib George Vella li għandu 76 sena u mwieled iż-Żejtun se jieħu l-ħatra ta’ President fl-4 ta’ April li ġej. Tul il-ħajja pubblika tiegħu huwa serva bħala Deputat Prim Ministru ta’ Malta u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Ambjent bejn l-elf disgħa mija u sitta u disgħin u l-elf disgħa mija u tmienja u disgħin.
Huwa Serva wkoll bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-leġislatura ta’ bejn l-2013 u l-2017. It-Tabib Vella kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-elf disgħa mija tmienja u sebgħin.
Dr Vella twieled u għex iż-Żejtun. Huwa miżżewweġ lis-Sinjura Miriam nee Grima, u flimkien għandhom tlett itfal u 7 neputijiet.
Intant fi stqarrija separata, il-Gvern permezz tal-Kabinett irringrazzja lill-President ta Malta Marie-Louise Coleiro Preca għall-ħidma bla waqfien tagħha tul dawn il-ħames snin li għamlet fil-kariga bħala d-disa’ President tar-Repubblika ta’ Malta.
Qal li tul il-Presidenza baqgħet man-nies u qrib sew tan-nies. Il-Kabinett innota wkoll il-ħidma tal-President f’oqsma oħra li ħallew frott u ġid lill-pajjiz u lill-poplu. Il-Gvern qal li l-Kabinett ħass li dan is-sehem tal-President Coleiro Preca m’għandux jieqaf mat-tmiem tal-ħatra tagħha bħala President f’April li ġej u b’konsultazzjoni magħha ġie deċiz li mat-tmiem tal-ħatra tagħha ta’ President tibqa’ tmexxi l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjeta li hi stess waqqfet kemm ilha tokkupa l-ħatra ta’ President ta’ Malta.
Il-Gvern qal li din il-Fondazzjoni se tkun qed iżżomm l-awtonomija tagħha biex tibqa’ taqdi l-funzjoni tagħha u tingħata wkoll ir-riżorsi li tħaddem preżentament biex fil-fatt taqdi dawn l istess funzjonijiet.
Following Constitutional consultations, I decided to submit the nomination of @GeorgeWVella as President of #Malta. I am proud of unanimous endorsement by cabinet and @PL_Malta parliamentary group. I am sure Dr Vella will be another unifying figure for our people and country -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 5, 2019
Cabinet has unanimously resolved a vote of thanks to @presidentMT for her sterling work. We are glad that she will continue with her contribution towards #Malta society through the Foundation for Social Wellbeing -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 5, 2019