L-aħwa George u Alfred Degiorgio li bħalissa jinsabu mixlija bil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia qed jallegaw li qed isofru minn trattament inuman u degredanti fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin.
Dan wara li spiċċaw f’iżolament minħabba inċident li kienu nvoluti fih, fejn kitbu li qed jiġu kkastigati inġustament għal inċident ikkawżat minn priġunier ieħor.
Intqal li fit-3 ta’ Lulju, priġunier li kien trasferit fid-diviżjoni li jinsabu fiha ġġieled magħhom u insistew li filmati minn fuq kameras tas-sigurtà jixhdu li huma ma instigawx il-ġlieda.
Huma qed jallegaw li d-deċiżjoni ta’ iżolament hija waħda ta’ tpattija relatata ma’ informazzjoni li għandhom dwar eks Ministru u Ministru ieħor.
Huma wissew li jekk dan it-trattament inuman ma jieqafx, ser ikunu qed jieħdu passi legali.