Fi Knisja mżejna għall-festa xorta kienet tinħass id-dieqa għat-telfa ta’ wieħed minn uliedha.
Fil-Knisja ta’ San Pawl il-Belt sar il-funeral tal-attur komiku veteran George Micallef.
Fi kliem Fr Victor Paul Farrugia, George għex għal ħaddieħor.
Ma setax jonqos li jsemmi l-kwalitajiet ta’ George Micallef li bid-don li tah il-ħallieq kien kapaċi jnissel tbissima.
Fr Victor Paul Farrugia qal: “Però wieħed mill-akbar preġju ta’ George kien dak li jferraħ lill-oħrajn u jagħraf fihom it-talenti.”
Fi Knisja mballata bin-nies, Fr Farrugia li huwa wkoll id-direttur spiritiwali tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette, għaqda li tant ħadem fiha George Micallef, qal li l-attur kien Pawlin ta’ vera. Huwa tenna: “Żgur se nibqa’ niftakar, kif se jiftakkru ħafna minnkom, kif kull l-10 ta’ frar minn kmieni filgħodu kien ikun bilqegħda hemmhekk fl-ewwel sedje tal-kor. biex minn hemm b’attenzjoni jieħu sehem fil-pontifikal tal-festa.”
Fil-Knisja spikkat il-preżenza ta’ bosta atturi li ħadmu mill-qrib ma’ George Micallef. Uħud huma Beltin li trabbew miegħu. ONE News tkellem ma’ John Dimech, hu qalilna: “Għandna ħafna memorji sbieħ, meta konna żgħar, għamilna l-praċett, l-iskola, fuq il-palk, wara l-palk – kullimkien.”
“George għallimni ħafna lili, minkejja li jien ikbar minnu, però fuq il-palk .. l-acting tiegħu għallimni ħafna. Iġġegħlni nitla’ fuq il-palk tal-Manoel għall-ewwel darba, hemmhekk sistendi l-attur iħossu daqsxejn, kif ngħidu aħna l-palk nazzjonali ta’ Malta … ħadt veru pjaċir”, sostna Dimech.
Fuq kollox spikka sentiment ta’ rispett lejn George li għalkemm ħalliena ta’ sitta u sebgħin sena, il-memorja tiegħu tibqa’