Fil-Qorti George Degiorgio qal li hu u ħuh ammettew għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax riedu jevitaw sentenza ta’ għomor il-ħabs.
Degiorgio, li ma’ ħuh Alfred qiegħed jiskonta sentenza ta’ erbgħin sena priġunerija xehed dan quddiem l-Imħallef Audrey Demicoli.
Huwa kien qed jixhed fil-każ li hu u ħuh fetħu biex jerġa’ jsir il-ġuri mill-ġdid.
Dan wara li f’Ottubru li għadda l-aħwa ammettew l-involviment tagħhom ftit sigħat qabel kien mistenni jibda l-ġuri oriġinali. Minkejja dan, huma fetħu każ biex jinstema’ l-ġuri f’Novembru.
Illum George Degiorgio xehed li, fl-14 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, il-ġurnata li fiha kien se jibda l-ġuri, ra lil ħuh ħiereġ miċ-ċella tiegħu fuq streċer għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħodu.
George Degiorgio imbagħad ittieħed il-Qorti waħdu u ltaqa’ ma’ ħuh fil-lock-up tal-Qorti, fejn kien akkumpanjat minn tabib u infermier.
Degiorgio xehed ukoll li ħuh ma kienx qiegħed jirrispondi meta beda jkellmu.
Fid-dawl tal-fatt li Alfred Degiorgio ma kienx f’qagħda li jirrispondi waqt il-ġuri, George Degiorgio qal li staqsa x’għażliet kellu u l-avukat qallu li seta’ jammetti biex ma jeħlux għomorhom il-ħabs.