George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.
Huwa qal dan f’intervista mal-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet ‘Reuters’.
F’din l-intervista mill-ħabs li ser tixxandar fil-format ta’ podcast fil-jiem li ġejjin, George Degiorgio sostna li kieku kien jaf li tqabbad joqtol lil Daphne Caruana Galizia huwa kien jitlob €10 miljun minflok mija u ħamsin elf ewro.
F’din l-intervista, George Degiorgio qal ukoll kif għalih il-qtil ta’ Caruana Galizia kien biss negozju, madankollu fl-istess ħin iħossu ddispjaċut.
George Degiorgio, flimkien ma’ ħuh Alfred Degiorgio kienu tressqu l-Qorti fl-2017 akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galzia madankollu ċaħdu kull akkuża. Huma kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017, jiġifieri 50 jum wara l-qtil ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija.
Magħhom kien tressaq ukoll Vince Muscat magħruf bħala ‘il-Koħħu.’ Huwa wkoll ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih madankollu fi Frar tas-sena li għaddiet huwa biddel il-verżjoni tiegħu u ammetta għall-qtil. Huwa ngħata ħmistax-il sena ħabs bil-kundizzjoni li jixhed aktar fuq il-każ u reati oħrajn.
L-aħwa Degiorgio talbu kemm-il darba għal maħfra presidenzjali, iżda din it-talba ġiet miċħuda mill-Kabinett tal-Ministri, fuq parir tal-esperti professjonali.
B’rabta ma’ dan il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba tagħhom sabiex jiġu kkumpensati għad-danni li sofrew talli ma ngħatawx il-maħfra presidenzjali.