Il-midja Taljana qed tirraporta li l-attur famuż George Clooney weġġa wara li l-mutur li kien qed isuq ħabat ma karozza fil-gzira Taljana ta’ Sardinja.
L-attur ta’ 57 sena ittieħed l-isptar iżda huwa mifhum li ma weġġax serjament.
Clooney kien jinsab Sardinja biex jiffilmja serje televiżiva. Huwa allegatament kien sejjer lejn is-sett tas-serje meta seħħ l-inċident.
L-istess rapporti jsostnu li l-aċċident huwa mifhum li seħħ ħdejn il-Costa Coarallina fil-provinċja ta’ Olbia. Is-sewwieq tal-karozza għen lil Clooney sakemm waslet l-ambulanza.
L-istess rapporti jkomplu jgħidu li huwa sofra minn tbenġil f’idejh u saqajh u possibilment xi ksur żgħir.
Huwa ittieħed lejn l-isptar Ġwanni Pawlu II, izda huwa mifhum li ġie rilaxxat ftit wara.
Huwa ittieħed lura lejn il-lukanda fejn qed joqgħod, bil-Pulizija tinvestiga l-inċident.