Kien raġel ġentlom, umli, u karitattiv. Hekk ġie deskritt l-eks Segretarju Parlamentari u deputat Laburista Silvio Parnis ftit mumenti wara li ntemm il-funeral tiegħu il-Ġimgħa filgħodu.
Kienu bosta li attendew għall-funeral tal-mibki Silvio Parnis fil-bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Bi fjuri ta’ lwien differenti fi jdejhom, nies imbikkma u b’bixra ta’ dieqa fuq wiċċhom, tkellmu ma’ ONE News u fakkru f’kemm kien raġel ta’ qalb kbira u dejjem man-nies.
“Lil Silvio ilni nafu fuq 35 sena u niddeskrivih bħalma jiddeskrivih kulħadd: raġel m’hawnx bħalu u ħin kollu man-nies. ”
“Niddeskrivih bħala raġel sempliċi, raġel b’qalb kbira. Il-pajjiż tilef raġel kbir. Kien raġel li mingħajr ma trid tinġibed lejh. ”
“Twajjeb u jaqdik minn kif jista’.”
“Raġel umli, raġel iħobb lil kulħadd, qalbu tajba. Ma nistax niddekrivi kemm kien raġel sew.”
“Dejjem niftakru jieħu ħsieb it-tfal il-MUSEUM u mbagħad sar politiku. Dejjem kien man-nies, tan-nies. Hawnhekk aħna tlifna pilastru li kien dejjem man-nies.”
“kien bniedem ta’ qalb kbira, ħanin, iħobb il-fqir, iħobb lil min hu batut ukoll, imma l-bambin iddeċieda li jsejjaħlu għal għandu.Forsi se jmexxi aktar ’il quddiem fis-sema, imma kien bniedem verament jixraqlu din il-festa hekk kbira. Din hija festa, mhux funeral, għax festa kbira li Alla għoġbu jsejjaħlu, u aħna ġejna lejh.”
Il-karità mal-proxxmu kienet l-iktar ħaġa li spikkat fost il-kummenti tan-nies, għax il-vokazzjoni nobbli ta’ Silvio kienet li jgħin lil kull persuna li kien ikollha bżonn.
“Qalb kbira ħafna, jgħin lil kulħadd: żagħżugħ, Nazzjonalist, Laburist, int min int se jgħinek.”
“Kien raġel rett, nistgħu ngħidu. Kien karitattiv ħafna. Jekk tistaqsih xi ħaġa, jipprova jgħinek. ”
“jiġi d-dar ikellmek, jistaqsik x’għandek bżonn u, qabel ma jitlaq mid-dar, kien jgħidlek, ‘Ikollok bżonn, ejjew’.”
“Jien kont niftaħlu l-uffiċju tiegħu. Kont niftaħulu filgħodu u nagħmel sat-tmienja ta’ filgħaxija. Ma kienx hawn kandidat karitattiv daqsu. Kien jaħdem għan-nies u għall-fqar. ”
B’dawk il-kummenti mimlija emozzjoni minn dawk preżenti ngħalaq l-aħħar kapitlu ta’ Silvio Parnis hekk kif għadda għall-ħajja ta’ dejjem.