Kien raġel ġentlom, umli, u ta’ unur. Hekk kien deskritt l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici, minn dawk li kienu preżenti barra l-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun biex għall-aħħar darba jagħtuh it-tislima tagħhom.
Bi fjuri ta’ lewn il-bandiera Maltija bajda u ħamra magħfusa fi jdejhom u demgħa f’għajnejhom, kienu bosta li attendew għall-funeral tal-mibki Mifsud Bonnici.
Min ifakkar memorji ta’ ġar li kienu jqisuh bħala wieħed minnhom u oħrajn jirrakkontaw stejjer ta’ tfulithom u ta’ żogħżithom. Ġeddew il-memorji ta’ raġel b’qalb tħabbat għal kullmin ġie bżonnu.
ONE News tkellem ma’ xi wħud li kienu preżenti dwarmistoqsija dwar x’jiftakru dwar Karmenu Mifsud Bonnici. Iddeskrivewh bħala raġel fuq l-irġiel li se jibqa’ mfakkar għal dejjem.
L-umiltà ta’ Karmenu Mifsud Bonnici kienet l-aktar ħaġa li spikkat fost il-kummenti, hekk kif minkejja r-responsabbiltà li kien iġorr bħala mexxej ta’ pajjiż, dejjem kien lest li joffri spalla u widen lil min hu l-aktar fil-bżonn.
Wara li spiċċat il-quddiesa, dik il-fjura li żammew fi jdejhom tul iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Mifsud Bonnici, waddbuha fuq it-tebut tiegħu bħala turija ta’ rispett. B’ċapċipa mimlija emozzjoni minn dawk preżenti ngħalaq l-aħħar kapitlu hekk kif għadda għall-ħajja ta’ dejjem.