Il-Ħamis filgħaxija, ġiet inawgurata t-tieni DAR Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ.
Bil-kanzunetta uffiċjali, “Il-Mirakli Jsiru”, ingħata bidu għaċ-ċerimonja li rat l-inawgurazzjoni ta’ din id-dar, li se tilqa’ fi ħdanha pazjenti b’mard newroloġiku li jkunu jeħtieġu kura u attenzjoni, il-ħin kollu.
Din id-dar se tilqa’ fiha sa tletin pazjent bl-ALS jew b’kundizzjonijiet newroloġiċi oħra, li se jingħaqdu mat-tlettax-il persuna li diġà qed jieħdu l-kura fl-ewwel DAR Bjorn f’Ħal Qormi.
F’messaġġ irrekordjat mill-fundatur ta’ ALS Malta, Bjorn Formosa, ġie spjegat il-vjaġġ xejn faċli li wassal biex jitlesta x-xogħol fuq din id-djar.
Semma l-limitazzjonijiet minħabba l-pandemija u ż-żieda fil-prezzijiet tal-materjali li għolew minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, iżda li minkejja kollox, din il-ħolma xorta saret realtà.
L-inawgurazzjoni saret fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, li ddeskriva l-proġett bħala prova ta’ dedikazzjoni, servizz u dinjità.
F’indirizz tal-okkażjoni, il-Prim Ministru nnota kif proġett bħal dan huwa riżultat ta’ ħidma kollettiva ta’ bosta persuni biex aktar nies bi sfidi f’ħajjithom, igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
Robert Abela qal “Illum qiegħed hawn biex inwassal messaġġ ta’ appoġġ u sostenn għalikom kollha msieħba fi proġetti li jgħinu persuni bi sfidi, biex jgħixu aħjar bħala parti minn komunità. Intom il-professjonisti, il-ħaddiema li b’ġest jew kontribut siewi tagħmlu l-ħajja aktar faċli ta’ persuni oħra. Is-servizz la qies li tagħtu huwa akkumpanjat mill-appoġġ li tajna u rridu nibqgħu nagħtu bħala Gvern, li jrid ikun hemm għal kulħadd.”
Fl-isfond ta’ diversi kisbiet soċjali, il-Prim Ministru semma l-importanza li jiġu indirizzati r-realtajiet li jinbidlu maż-żminijiet, biex jissaħħaħ dak li jkun twettaq.
Dr Abela semma ż-żieda fil-carer’s grant u d-diversi ftehimiet soċjali li jsiru mal-privat biex aktar persuni jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.
Il-Prim Ministru qal “Bħala Gvern nibqgħu nemmnu bis-sħiħ li biex inkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd irridu ftehimiet soċjali b’mudell ta’ sħubija bejn il-Gvern u s-soċjetà. Dan huwa mudell b’saħħtu fejn dawk mis-settur privat jersqu ’l quddiem bl-aqwa prattiċi favur il-kura u l-ħarsien tan-nies. L-għajnuna u l-ftehim soċjali ma’ ALS Malta huwa eżempju ċar ieħor u llum qed naraw iżjed il-frott b’din id-dar li se tkun ta’ servizz kbir għas-soċjetà tagħna.”
Tul iċ-ċerimonja tkellem ukoll, fost l-oħrajn, ir-raġel ta’ residenta li kienet toqgħod f’DAR Bjorn f’Ħal Qormi u li ħalliet din id-dinja f’Awwissu li għadda.
F’diskors emozzjonanti ta’ raġel li ġarrab u jifhem l-uġigħ li jġib miegħu dan il-mard, fisser l-għajnuna li tingħata f’DAR Bjorn bħala imprezzabbli, u tkellem dwar id-dinjità li jagħtu l-ħaddiema lir-residenti f’din id-djar.
Intant, ALS Malta għaddejja bil-proġett DAR Bjorn Respite, biex jgħin aktar pazjenti b’kura temporanja.
L-appell hu biex fl-erbgħa u għoxrin ta’ Settembru li ġej, kulħadd jagħti sehmu fil-maratona ġbir ta’ fondi b’risq ALS Malta, biex ikomplu jiġu mgħejjuna dawn il-pazjenti.