Raġel u mara miżżewġin inżammu arrestati wara li ġew akkużati, b’mod separat, li abbużaw fiżikament liż-żewġ ulied bniet tagħhom għal snin sħaħ.
Ir-raġel ta’ tlieta u erbgħin sena mill-Imtarfa kien akkużat li kkorrompa liż-żewġt ibniet, li wettaq attivitajiet sesswali magħhom bla kunsens, u li ssuġġettahom għal atti ta’ intimità fiżika.
Martu, ta’ tnejn u erbgħin sena, ġiet akkużata li ppermettiet l-abbuż u waqqfet lil uliedha milli jirrappurtaw.
It-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
L-allegati vittmi, illum għandhom tlettax-il sena u sbatax-il sena.
Dan l-allegat abbuż ħareġ wara li l-iżgħar tifla tkellmet ma’ omm ħabiba tagħha waqt li kienet rieqda għandha.
L-omm għamlet rapport fl-għassa tar-Rabat, flimkien mat-tifla.
Hija qalet lill-Pulizija li omm it-tifla kienet taf b’dak li kien qed jiġri, iżda kienet twissiha biex ma tgħid lil ħadd. It-tifla qalet li oħtha l-kbira kienet qed taffaċċja l-istess abbuż.
It-tifla ta’ tlettax ġiet mitkellma mill-Pulizija u anki uffiċjali mid-Direttorat tal-Ħarsien tat-Tfal, li tkellmu wkoll m’oħtha l-kbira u kkonfermaw l-istqarrija tat-tifla, biex imbagħad ħarġu l-mandati biex setgħu jiġu arrestati l-ġenituri tagħhom.
Il-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għaliex l-allegati vittmi għadhom iridu jixhdu, u anki minħabba l-gravità tal-akkużi. Fil-fatt, hija ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tfal u dawk li għenuhom jirrappurtaw.