“La kienu sfurtunati ħa jibqgħu sfurtunati tul ħajjithom?”
Dan kien id-diskors li bih ġenitur ta’ mara li fi tfulitha ħarġilha tumur f’rasha, iddeskriva s-sitwazzjoni ta’ xkiel li kellhom jaffaċċjaw biex binthom tixtri propjetà.
Dan b’reazzjoni għall-aħħar skema li ħareġ il-Gvern bl-isem New Hope Guarantee u li permezz tagħha se jkun qed jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-polza ta’ assigurazzjoni fuq ħajjet persuni b’kundizzjonijiet mediċi jew b’diżabilità, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal self mill-banek.
Skema li għaliha l-Gvern iddedika €3 miljun li ġejjin mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.
ONE News, iltaqa’ mal-koppja Charles u Josette Scerri sabiex jisma’ l-esperjenza tagħhom.
Is-Sinjura Scerri spjegat kif is-sitwazzjoni li affaċċjat bintha: “It-tifla tagħna meta kellha erba’ snin ġiet diagnosed li kellha brain tumor, illum għandha 30 sena imma minn dakinhar ‘l hawn meta wasslet biex tieħu l-pass fil-ħajja tagħha bħalma jkun jixtieq kulħadd, sabet ħafna u ħafna ostakli speċjalment l-insurances biex toħroġ is-sanction letter mill-bank minkejja li kellha it-10%. Kienet tmur tara ħafna postijiet imma dejjem tiġi qalbha maqsuma.”
Min-naħa tiegħu s-Sur Scerri tenna kif din l-iskema li introduċa l-Gvern taffettwa ħafna speċjalment biex tkopri l-ispejjeż kbar tal-familji affettwati.
Huwa qal, “Din taffettwa ħafna u tgħin ħafna liż-żgħażagħ. Dawn tinsiex. Dawn għaddew minn trauma u kienu sfurtanati. Allura la kienu sfurtunati ħa jibqgħu sfurtunati f’ħajjithom dawn? Jiġifieri qatt ma huma se jieħdu pass ’il quddiem f’ħajjithom? Ħa jiġu bl-istigma bil-Malti.”
Is-Sinjura Scerri spjegat kif binthom sena ilu laħqet xtrat il-post tagħha bl-ispejjeż kbar li jiġu miegħu hekk kif minkejja li dejjem ikkampanjaw favuriha din qatt ma daħlet.
Hija sostniet li bintha ma setgħetx tibqa’ tistenna l-introduzzjoni ta’ din l-iskema għaliex ftit kien hemm tama li din qatt tidħol: “L-appell tiegħi huwa li forsi li dawn in-nies laħqu xtraw il-propjetà tagħhom għax kemm ħa ddum tibqa’ tistenna u tittama, fekk forsi jibbenefikawx minnha din il-policy tant tajba li ħareġ il-Gvern u għallinqas jiġux issusidjati minn xi ħaġa biex itaffulhom mill-ispejjeż kbar li diġà qegħdin fihom. Mhux għat-tifla tiegħi biss imma għal kull sfortunatament min għadda minn din is-sitwazzjoni u sab il-bibien magħluqa għalih.”