Ġenituri ta’ tifel ta’ seba’ snin marid bil-kanċer, ġew akkużati fil-Qorti li ffrodaw lil binhom stess meta lagħbu flus li ngħatawlhom bħala donazzjonijiet mill-pubbliku u organizzazzjonijiet li jaħdmu b’risq pazjenti morda bil-kanċer, li suppost intużaw għat-trattament mediku tat-tifel.
Il-missier ta’ wieħed u tletin sena u l-omm ta’ sebgħa u għoxrin sena, li jgħixu flimkien fil-Mosta, tressqu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u frodi.
Iż-żewġ akkużati, li qalu lill-Qorti li ma jaħdmux, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest u għall-projbizzjoni tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet.
Ġie nnutat kif il-missier għandu rekord kriminali ta’ sitta u għoxrin paġna u mhux affidabbli.
Ġie rrimarkat ukoll li jridu jixhdu l-persuni li taw id-donazzjonijiet, flimkien mar-rappreżentanti ta’ Puttinu Cares.
Fil-Qorti ġie spjegat kif allegatament, il-missier kien jilgħab il-flus fuq tiġrijiet taż-żwiemel u l-omm kienet taf x’kien qed jiġri.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-missier u laqgħet it-talba biex tinħeles l-omm, fuq depożitu t’elf ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.
Meta l-Maġistrat tat id-deċiżjoni tagħha, wissiet u ħeġġet lill-mara biex iżżomm lil binha f’moħħha u ssegwi l-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest.