Fl-aħħar sigħat l-Awtorità Ċentrali (Central Authority), li hija parti mill-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, ġiet infurmata b’allegat każ ta’ ħtif ta’ tifla ta’ sena mill-Isvezja.
Jirriżulta li l-ġenituri tat-tifla kienu mwaqqfa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-Pulizija wara li ħarbu bit-tifla mill-Isvezja. Dan fl-istess waqt illi l-Awtoritajiet Żvediżi ħarġu ordni ta’ protezzjoni fuq it-tifla.
L-Awtorità Ċentrali bħalissa għaddejja b’ħidma flimkien mad-Direttorat tal-ħarsien tat-Tfal fl-FSWS, kif ukoll mal-Awtoritajiet Żvediżi sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex il-minorenni tkun tista’ tmur lura lejn pajjiżha.
Bħalissa t-tifla qiegħda fil-kura tal-Awtoritajiet Maltin u qed tingħata l-kura u l-assistenza kollha meħtieġa.