Fil-baġit li jmiss ġenituri li jaħdmu għal rashom u għaddejjin minn trattament tal-IVF se jkunu qed jgawdu sa 100 siegħa ta’ leave mħallas mill-Gvern waqt ċiklu ta’ trattament.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni oħra ta’ qabel il-baġit, din id-darba mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji. Din il-laqgħa saret fil-kumpanija NM Group fin-Naxxar, fejn Dr Abela kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mat-tmexxija tagħha flimkien mal-ħaddiema.
Filwaqt li fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-Prim Ministru u d-delegazzjoni mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, iddiskutew il-proposti għall-baġit li jmiss, Dr Abela spjega li ommijiet li huma self-employed issa se jkunu qed jingħataw 60 siegħa ta’ leave imħallas, filwaqt li t-tieni ġenitur li jkun self-employed ukoll, ikun intitolat għal 40 siegħa oħra waqt li jkunu għaddejjin biċ-ċiklu tal-IVF.
B’rabta man-negozji żgħar u medji, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif dawn huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk sostna l-importanza li bħala Gvern tibqa’ titwassal pożizzjoni ċara anki fil-fora Ewropea dwar il-kompettività ta’ pajjiżna bħala parti mis-Suq Waħdieni tal-Unjoni Ewropea.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Clayton Bartolo, Miriam Dalli u Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.