Ftit tal-minuti wara li l-Parlament approva b’vot finali l-emendi mressqa fil-liġi tal-IVF sabiex jiżdied iċ-ċans li aktar koppji jkollhom it-tfal, il-Prim Ministru Robert Abela iltaqa’ ma’ ġenituri prospettivi fil-binja tal-Parlament.
Il-koppji kellhom laqgħa privata miegħu li fiha qasmu s-sentiment pożittiv tagħhom dwar dak li kien għadu kif ġie mnaqqax fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fi tmiem il-laqgħa, tkellmu magħna Amanda u Emanuel Degabriele, koppja minn fost il-bosta li se jgawdu minn dawn l-emendi.
Emanuel qasam magħna ħsibijietu dwar il-benefiċċji li se jgawdu l-ġenituri prospettivi. Huwa faħħar b’mod speċjali l-fatt li l-intervent se jsir mill-bidu sal-aħħar f’pajjiżna, u b’hekk jitnaqqas l-istrapazz fuq il-koppja sakemm tagħmel il-proċess.
Qal, “Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, allura, kollox se jsir hawn Malta, fl-isptar. Barra minn hekk, se jiżdiedu wkoll iċ-ċikli u dejjem qed jikber iċ-ċans, allura, li koppji li jixtiequ jkunu ġenituri dejjem qed jikbrilhom iċ-ċans li jasal dak il-mument li kull koppja tkun tixtieq, li tħaddan lit-tfal tagħha.”
Amanda Degabriele stqarret li d-dħul tal-emendi fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura kien wegħda li twettqet filwaqt li laqgħet b’sodisfazzjon il-vot b’saħħtu li dawn it-tibdiliet kisbu fil-Parlament.
Stqarret, “Ħadna gost ħafna li din il-wegħda twettqet u ħadna gost li vera żamm il-kelma tiegħu l-Prim Ministru li, wara mitt jum, għaddiet din il-liġi. Ħadna gost ukoll li ż-żewġ naħat tal-Kamra kważi qablu; kien hemm qbil miż-żewġ naħat. Nispera li bħalna se jgawdu familji oħra ukoll minn dawn l-emendi.”
Il-Prim Ministru kien għamel din il-wegħda b’mod ċar waqt il-kampanja elettorali. Dakinhar stqarr li wegħda daqstant importanti għal faxxa fis-soċjetà ma tistax ssir jekk ma jkunx hemm żmien marbut magħha.
Qal, “Meta se ndaħħluhom dawn l-emendi? Ħa tagħmluhom erba’ snin oħra lejn tmiem il-leġislatura l-oħra? Le. Jiena nagħtik il-kelma tiegħi li jekk ningħataw il-fiduċja mill-poplu tagħna fi żmien mitt jum minn meta niġu eletti dawk il-bidliet ikunu quddiem il-Parlament u jiġu approvati.”