Riċerka dettaljata u importanti dwar il-fostering għandha nieqes is-sehem dettaljat ta’ ġenituri naturali. Dan mhux għax ir-riċerkaturi ma ħasbux li jinkludu l-ħsibijiet tagħhom, iżda għax kienu huma li għażlu li ma jwieġbux għat-talba li saritilhom.
Ir-riċerkaturi ta’ studju dwar it-tfal fil-fostering ltaqgħu ma’ diffikulta kbira biex jitkellmu mal-ġenituri naturali tal-istess ulied.
L-istudju, ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa mill-Kummissarju tat-Tfal kien wieħed kwalitattiv u kellu l-għan li jindirizza kemm jista’ ir-realtajiet kollha marbuta mal-fostering.
Iżda, kien diffiċli biex wieħed jifhem x’jemmnu, jaħsbu u jħossu dawk li uliedhom ikunu mifruda minn magħhom minħabba raġunijiet diversi.
Fl-istudju bit-titlu “Let Me Thrive” jingħad li intbagħtu ħamsa u sebgħin ittra lill-ġenituri naturali. Kienu lkoll ittri personalizzati u ffirmati mill-Kummissarju għat-Tfal innifisha.
Fiha ntqal x’kien l-għan tar-riċerka u stiednet lill-ġenituri jaqsmu l-opinjojiet u l-ħsibijiet tagħhom. Kienu biss sebgħa l-ġenituri li wieġbu lura u wara li tfasslu numru ta’ laqgħat ħamsa biss marru jiltaqgħu mar-riċerkaturi.
Minkejja dan il-ħtiġijiet tal-familji naturali tat-tfal xorta waħda sabu posthom fl-istudju. Professjonisti qalu li dawn mhux jirċievu biżejjed għajnuna u mhemmx xejn x’jassigura li dawn il-ġenituri jużaw is-servizz ta’ ħaddiema mill-qasam soċjali biex jevitaw u jsolvu l-problemi li waslu biex it-tfal jitpoġġew f’kura. Skont il-professjonisti l-ġenituri jistgħu jirrifjutaw din l-għajnuna.
Mill-ftit esperjenzi li kienu mistħarrġa jirriżulta li hemm ukoll ċirku vizzjuż. Fosthom hemm l-istorja ta’ omm ta’ sbatax –il sena li wkoll kienet fil-kura u spiċċat b’uliedha bogħod minnha. Qalet li llum kważi tista’ tinsa li tkun lura m’uliedha bħal familja normali.
L-ewwel għax kienet għadha fil-faqar u mingħajr impjieg u t-tieni għax it-tfal tant kienu ilhom fil-foster care li saru ostili lejha.
Ir-realta turi li għalkemm il-fostering huwa importanti u t’a min jirrakomandah mhux dejjem faċli.
Kif jixhdu l-esperjenzi tat-tfal li analiżi tagħom issir fil-gazzetta KullĦadd ta’ għada.