Fir-Renju Unit, ġenituri li spiċċaw sfurzati jħallu l-impjieg tagħhom minħabba l-ispejjeż esaġerati taċ-childcare, ħarġu fit-toroq u sejħu għal riforma mill-Gvern.
Diversi familji, inkluż tfal, iċċelebraw il-festa tal-Halloween b’differenza, hekk kif xorta f’dan l-ispirtu u b’kostumi marbuta ma’ din il-festa, ħarġu jipprotestaw f’dimostrazzjonijiet madwar ir-Renju Unit, f’dak li sejħu bħala l-“March of the Mummies”.
L-ommijiet u l-missirijiet, flimkien ma’ uliedhom, talbu għal riforma fis-settur taċ-childcare u l-leave tal-ġenituri.
Waħda mill-ommijiet spjegat li l-ispiża biex tibgħat lil binha ċ-childcare erba’ darbiet f’ġimgħa, tlaħħaq l-elf u sitt mitt sterlina f’xahar.
Qalet, “If you wanna keep working, then you gotta put your child in childcare. Mine at the moment is four days a week, 1,600 pounds, a month. It’s pricey.”
Omm oħra li taħdem fis-sistema tas-saħħa tal-pajjiż, spjegat li taqla’ paga daqs il-kont taċ-childcare t’uliedha, u allura, qed tispiċċa tħallas biex taħdem.
Qalet, “I work in the NHS. The basic salary in the NHS for anyone starting their, qualified, professional, nurse, radiographer and so on, costs as much as childcare, so I’m basically paying to go into work.”
Il-fundatriċi ta’ għaqda mhux governattiva li tiġġieled għad-drittijiet tal-ommijiet fir-Renju Unit, spjegat li l-protesti ma sarux biex il-Gvern iħallas għat-tfal, imma biex jinvesti fl-ekonomija, sabiex aktar nisa joħorġu jaħdmu.
Hija qalet li fil-preżent, hemm mijiet ta’ eluf ta’ ommijiet li jixtiequ jaħdmu imma li ma jaffordjawx iħallsu biex xi ħadd jieħu ħsieb lil uliedhom sakemm ikunu x-xogħol.
Qalet, “This isn’t about you paying for our children. This is about you investing in the economy so that we can get more women back into the workforce. We have at least 870,000 stay at home mums who want to work but can’t because of the childcare costs and availability.”
Fl-aħħar sigħat, toroq prinċipali fir-Renju Unit imtlew b’ġenituri li spjegaw kif meta wieħed jikkunsidra li l-maġġoranza tal-paga tintefaq fuq is-servizz taċ-childcare, ħafna qed jagħżlu li jitilqu mix-xogħol u jrabbu lil uliedhom huma minflok.
F’Malta, ir-realtà hija kompletament differenti.
Il-ġenituri f’pajjiżna draw jibagħtu lil uliedhom iċ-childcare u ma jħallsux, wara li Gvern Laburista daħħal is-servizz taċ-childcare bla ħlas għall-ommijiet li jaħdmu jew jistudjaw.
Dan is-servizz bla ħlas kien strumentali biex ħafna aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol, u issa li f’Malta għandna numru rekord ta’ nisa jaħdmu, dan is-servizz se jiġi estiż għat-tfal kollha, irrispettivament minn jekk il-ġenituri tagħhom jaħdmux jew le.
Dan skont dak li tħabbar fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali f’Marzu li għadda, bħala parti mill-garanzija għat-tfal.